FORMATION PROGRAM 2008-2009

KUNSILL NAZZJONALI OFS
PROGRAMM TA’ FORMAZZJONI PERMANENTI 2008-2009

SANTA ELIŻABETTA TA’ L-UNGERIJA

“Dak li bniedem jiżra’, dak huwa jaħsad.
Min jiżra’ f’ġismu jaħsad mill-ġisem it-taħsir;
Min jiżra’ fl-ispirtu, jaħsad mill-ispirtu l-ħajja
Ta’ dejjem.

Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; għax jekk ma
naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu. Mela,
dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid ma’
kulħadd, l-iktar ma’ qrabatna fil-fidi.”
Galatin 6, 7b-10

1. ĦIELSA GĦALL-IMĦABBA TA’ ALLA U L-AĦWA

Regola
“Xhieda ta’ ġid li għad irid jiġi, u minħabba l-vokazzjoni li ħaddnu, fid-dmir li jiksbu s-safa tal-qalb, għandhom b’hekk jirrendu ruħhom ħielsa għall-imħabba ta’ Alla u ta’ l-aħwa.”
Regola OFS Art. 12

Santa Eliżabetta ta’ l-Ungerija
Il-Familja u t-Twelid

Kull qaddis jitwieled minn familja u kultura partikulari, u dawn il-kulturi differenti li fihom insibu dawn il-ħajjiet qaddisa jgħinuna nsaħħu u nkabbru l-għarfien tagħna tal-Vanġelu universali. L-istorja umana ta’ Santa Eliżabetta kienet parti mill-ħajja qaddisa tagħha. Hi kienet minn nisel Ungeriż, fl-Ewropa tal-Lvant, bint ir-Re Indri II ta’ l-Ungerija. Hi twieldet fl-1207, kważi mitejn sena wara li l-antenati tagħha kienu aċċettaw il- Kristjanità. Wieħed minn dawn l-antenati kien ir-Re Stiefnu l-I, l-ewwel re Kristjan ta’ l-Ungerija (975-1038), li wara kien ġie dikjarat qaddis. Ibnu Emerik, (1007­1031) ukoll kien meqjus bħala qaddis.

Eliżabetta kienet ukoll minn nisel Ġermaniż: ommha kienet Gertrude ta’ Andechs-Meran; oħt ommha (zijitha) kienet Hedwig (1174-1243), li kienet iżżewġet lil Enriku, Duka ta’ Silesia, kienet ukoll qaddisa. Minn dan naraw kemm kellha antenati qaddisin Eliżabetta u għaldaqstant kellha lil min tixbaħ.

Meta kien għad kellha erba’ snin, Eliżabetta kellha tħalli l-familja tagħha għax ġiet imwiegħda li tiżżewweġ lil Ludwig IV, li ’l quddiem kellu jkun il-Landgraf ta’ Thuringia. Dan kien għad kellu ħdax il-sena. Magħha marru wkoll, biex jakkompanjawha u f1-istess ħin jibqgħu jfakkruha fid-drawwiet u l-obbligi reliġjużi tagħha, żewġ qassisin, Farkasius u David.

Il-glorja ta’ Eliżabetta bħala mara qaddisa bdiet malli telqet mid-dar lejn Thuringia, fejn kellha tibqa’ mfakkra għax-xogħol li kienet tagħmel mal-foqra u batuti, u fejn irnexxielha tilħaq il-qdusija mar-raġel li Alla kien għażel għaliha, Iżda hi qatt ma nsiet l-oriġini tal-familja tagħha, u marret lura żżur l­Ungerija ftit wara li żżewġet. Hekk kif miet ir-raġel tagħha, minflok ma rritornat għand il-ġenituri tagħha, hi għażlet li tibqa’ tgħix f’dak il-pajjiż ġdid fejn kellha twettaq u ttemm dik l-għamla ta’ ħajja li kienet bdiet mal-foqra.

Kelma t’Alla (Ġenesi 12, 1-9)

U l-Mulej qal lil Abram: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik. U jien nagħmlek ġens kbir, nbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka. Jien inbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek. U jitbierku bik it-tribujiet kollha ta’ l-art.”

U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej; u mar miegħu Lot. U Abram kellu ħamsa u sebgħin sena meta ħareġ minn Ħaran. U ħa miegħu Abram ‘l Saraj martu, u ‘l Lot bin ħuh, u l-ġid kollu li kienu għamlu, u n-nies li kienu kisbu f’Ħaran. U ħarġu biex imorru fl-art ta’ Kangħan, u waslu f’art Kangħan.

U Abram qasam l-art sas-santwarju ta’ Sikem, sal-balluta ta’ Mori; u dak iż-żmien kien hemm il-Kangħanin fl-art. U l-Mulej deher lil Abram u qallu: “Lil nislek għad nagħti din l-art.” U hemm bena artal lill-Mulej, li kien deherlu. Minn hemm telaq lejn il-muntanja fuq in-naħa tal-lvant ta’ Betel, u waqqaf l-għarix tiegħu hemm, b’Betel fuq il-punent u Għaj fuq il-lvant. U bena hemm artal lill-Mulej u sejjah isem il-Mulej. U Abram baqa’ sejjer, miexi, miexi lejn in-Negeb.

Spiriwalità Franġiskana
Mit-II Ittra lill-Beata Anjeże minn Praga ta’ Klara ta’ Assisi, 10 – 14

Nitolbok għall-imħabba ta’ Dak li lilu offrejt lilek innnifsek bħala vittma qaddisa u li togħġbu, li tibqa’ tiftakar dejjem fir-rabta tiegħek, u żżomm quddiem għajnejk il-bidu tas-sejħa tiegħek. Dak li għandek f’idejk ibqa’ żommu sħiħ; dak li tagħmel, agħmlu sewwa. Tieqaf qatt, iżda b’mixja mgħaġġla, b’pass ħafif, b’riġlejk fuq is-sod, hekk li anqas it-trabijiet li jittajru ma jżommuk lura, imxi ‘l quddiem bla biża’, ferħana fit-triq li għaraft tagħżel b’għaqal kbir. U temmen lil ħadd, tħalli ‘l ħadd jingannak billi jfittex ibegħedek mill-fehma tiegħek jew li jfixklek f’din it-triq, u ma jħallikx trodd lill-Aktar Għoli il-wegħdiet tiegħek b’dik il-perfezzjoni li għaliha stiednek l-Ispirtu tal-Mulej.

Riflessjoni
Abraham ħalla art twelidu biex iwettaq il-pjan li Alla kien ħejja għalih. U talla obda, Alla għamillu din il-wegħda: “U jien nagħmel minnek ġens kbir, imbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka.” (Ġen 12,2). Anke Eliżabetta kellha esperjenza simili, u ħajjitha saret ukoll barka għal ġenerazzjonijiet li kellhom jiġu warajha.

Lili wkoll Alla jgħamilli s-sejħa tiegħu għax għalija wkoll Hu għandu pjan. Dan il-pjan jista’ jfisser li jien ukoll ikolli nħalli warajja dak li hu komdu u nibda ngħix realta’ ġdida. Nemmen li l-pjan ta’ Alla hu l-aħjar għalija u għall-oħrajn? X’ser tkun ir-risposta tiegħi?


2. Iqabblu l-ħsieb u l-għemil tagħhom mall-ħsieb u l-għemil ta’ Kristu

Regola
“Bħala ‘Aħwa tal-Penitenza, Irġiel u Nisa’, bis-saħħa tal-vokazzjoni tagħhom, u mkaxxkrin mill-qawwa tfur bil-ħajja ta’ l-Evanġelju, għandhom iqabblu l-ħsieb u l-għemil tagħhom mal-ħsieb u l-għemil ta’ Kristu. Dan isir bis-saħħa ta’ bidla mill-qiegħnett li sseħħ fir-ruħ, li l-Evanġelju jsejħilha bl-isem ta’ ‘konverżjoni’, li minħabba li l-bniedem hu dgħajjef, trid issir kuljum.”
Regola OFS Art. 7

Santa Eliżabetta ta’ l-Ungerija
It-Tfulija ma’ n-Nobbilta’ ta’ Thuringia

Eliżabetta trabbiet fil-kastell ta’ Wartburg, li kien mibni fuq għolja tħares lejn il-belt ta’ Eisenach. Hi kienet intbgħatet hemm biex tidra l-ħajja rjali flimkien mal-futur raġel tagħha Ludwig, ħutu subien u oħtu. F’dawk iż-żminijiet il-familja ta’ Ludwig kienet waħda mill­aktar sinjura u rrispettata, u n-nobbiltà tagħha kienet fost l-aqwa fl-Ewropa u magħrufa mad­dinja kollha.

Iżda sa minn ċkunita, Eliżabetta kienet konxja minn Alla u nġibdet b’imħabba kbira lejH. Kienet affaxxinat ruħha mill-kappella li kien hemm fil-kastell u kienet issib kull skuża, anke waqt li kienet tkun qed tilgħab, biex tmur fil-kappella u tinżel għarkobbtejha quddiem il-kurċifiss.

Minkejja li trabbiet fil-lussu u r-rikkezzi, xorta waħda għarfet id-doveri tagħha lejn i1-proxxmu. Meta kienet tirbaħ xi ħaġa waqt il-logħob, kienet tmur u taqsamha ma’ xi tfal oħra li kienu fqar. L-imħabba lejn Alla kienet dejjem tikber fiha u din wasslitha biex tagħmel sagrifiċċji għaliH. Kemm il-darba kienet titlaq mill-logħob jew miż-żfin u tmur tagħti l-kumplament tal-ħin tagħha ’l Alla. Bħala sagrifiċċju, hi ma baqgħetx tilbes dak l-ilbies sabiħ u fin. Sa miċ-ċokon tagħha, hija bdiet dak il-proċess ta’ konverżjoni u penitenza, li huma s-sisien u l-qalba tal­Kristjanità u vokazzjoni Franġiskana.

Kelma t’Alla (Luqa 19, 1-10)

Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ‘l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien ser jgħaddi.

Ġesù, kif wasal hemm, ħares ‘il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.” Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu.

In-nies, meta rawh, lkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ. Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd inroddlu għal erba’ darbiet iżjed.” Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.”

Spiritwalità Franġiskana
Kliem ta’ ħeġġa ta’ San Franġisk lill-Aħwa Irġiel u Nisa tal-Penitenza (Kap 1, 1-6)

Dawk kollha li jħobbu ‘l-Mulej b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha u b’moħħhom kollu, u bis-saħħa kollha tagħhom, u li jħobbu lil għajrhom bħalhom infushom, u jobogħdu lil ġisimhom bil-vizzji u d-dnubiet tiegħu, u jitqarbnu bil-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu, u li jagħmlu għemejjel xierqa ta’ penitenza; O kemm huma hienja u mbierka dawk l-irġiel u nisa li jagħmlu dawn l-affarijiet u li jissuktaw jagħmluhom. Fuqhom jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej, u jwaqqaf fihom id-dar u l-għamara tiegħu.

Riflessjoni
Il-pedament tal-futur ta’ ħajjitna jitqiegħed fit-tfulitna u fiż-żgħożija tagħna. L-istess il-qdusija, din tibda meta nkunu tfal, għax meta nitgħallmu ngħatu lilna nfusna ‘l Alla, dan ikun il-bidu ta’ proċess li jtul għal ħajjitna kollha. Kif jgħid tajjeb San Pawl lir-Rumani (12, 1): “Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.” Matul ħajjitha, Eliżabetta dejjem fittxet li tagħti lilha nnifisha ‘l Alla b’dan il-mod.

Jien infittex x’inhi r-rieda ta’ Alla f’ħajti, x’inhu dak li jogħġbu, dak li hu perfett?

3. Jagħtu xhieda fid-dinja ta’ l-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu

Regola
“Fi ħdan il-familja, għandhom jgħixu l-ispirtu Franġiskan ta’ paċi, fedelta’ u rispett għall-ħajja. B’hekk ikunu qed iħabirku biex jagħmlu mill-familji tagħhom sinjali u xhieda ta’ dinja ġa mġedda fi Kristu. L-aktar imbagħad il-miżżewġin, waqt li jkunu jgħixu l-grazzji taż-żwieġ, għandhom jagħtu xhieda fid-dinja ta’ l-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu.”
Regola OFS Art. 17

Santa Eliżabetta ta’ l-Ungerija
Il-Ħajja miżżewġa

Eliżabetta fehmet li ż-żwieġ ma kienx sempliċement xi ħaġa li twassal għall-ferħ jew biex tilħaq xi milja fil-ħajja personali, iżda vokazzjoni, serja daqs li kieku xi vokazzjoni reliġjuża u fl-istess waqt mezz li bih kienet imsejjħa biex tilħaq il-qdusija tagħha.

L-imħabba tagħna lejn dawk li jkunu qed jgħixu madwarna, hi l-għeruq tal-għarfien tagħna għall-imħabba ġenerali u kif aħna rridu nħobbu ’l Alla. Din hija l-verità dwar l-imħabba tal­miżżewġin, u kif il-Konċilju Vatikan II jgħidilna: “Din l-imħabba li ġejja mill-għajn ta’ l-imħabba divina,” jiġifieri, għandha l-oriġini tagħha minn Alla; u jkompli jgħid il-Konċilju: “l-imħabba vera bejn il-miżżewġin tingħaqad ma’ l-imħabba ta’ Alla u hija msaħħa u mogħnija bil-qawwa feddejja ta’ Kristu” (Gaudium Et Spes, Nu 48).

Ma tantx ingħatat attenzjoni għall-ħajja miżżewġa tal-qaddisin; fil-fatt, Eliżabetta hi waħda mill-ftit qaddisin miżżewġa sa ftit snin ilu. Iż-żwieġ tagħha ma’ Ludwig IV ta’ Thuringia kien wieħed feliċi u kif għandu jkun. Hija għexet ħajjitha f’dan is-sagrament bħala mezz biex tħobb aktar ’l Alla. Skond Isentrude, li kienet waħda mill-aktar ħbieb viċin tagħha għax kienet id-dama li takkompanjha kull fejn kienet tmur, qalet li Eliżabetta u żewġha għexu s-sagrament b’mod ta’ min ifaħħru. Huma kienu jħobbu lil xulxin b’affezzjoni sabiħa, u kienu jqawwu u jgħinu lil xulxin fit-tifħir u s-servizz lejn Alla.

Huma kienu qaddisin mhux għax ma kellhomx problemi, imma għax għarfu jgħelbuhom Huma għexu f’atmosfera immorali kbira u fost ħafna tentazzjonijiet, li l-kittieba ta’ dawk iż-żminijiet stqarrew b’mod apert. Però bħala koppja miżżewġa, huma kienu lesti li jevitaw dawk in-nases. L-irġiel ta’ madwar Ludwig kienu jiskantaw u jistqarru miegħu kif kien jirnexxilu jibqa’ fidil lejn martu. Hu kien iwieġeb: “Issemmuli qatt affarijiet bħal dawn. Jien għandi mara, u marbut magħha li nibqa fidil lejha.” Eliżabetta wkoll kellha tħabbat wiċċha ma’ perjodi twal ta’ separazzjoni minn ma’ żewġha, li kellu jivjaġġa spiss il-bogħod f’isem l-imperatur. Kull meta kien ikun fuq xogħol, hi kienet tirtira mill-ħajja rjali, minn dawk il-festi u xxalar biex tgħaddi aktar ħin fit-talb u b’hekk titbiegħed mid-distrazzjonijiet u tentazzjonijiet.

L-istess bħal kull mara miżżewġa, Eliżabetta kellha tibbilanċja x-xogħol ma’ l-attenzjoni ta’ uliedha, lejn ir-raġel tagħha, kif ukoll d-doveri tagħha lejn Alla.

Eliżabetta kienet konxja bl-inġustizzji li kienu jsiru b’dik il-ħajja ta’ lussu li kienet teżisti. Ix­xewqa tagħha għal ħajja aktar sempliċi, xi kull tant kienet tissarraf f’konflitti ma’ l-imħabba lejn żewġha. L-uffiċjali ta’ Ludwig kienu jeżortaw u jimplimentaw taxxi nġusti mal-poplu. Eliżabetta, minħabba l-kuxjenza li kellha, ma kienitx tiekol minn dak l-ikel li kien jiġi minn qliegħ qarrieqi u b’hekk kienet takkuża b’mod indirett dawk l-inġustizzji li kienu jsiru. Ludwig kien jirrispetta dik id-deċiżjoni tal-mara tiegħu u anke jissapportjaha, u kien iwiegħed li jirranġa dawk l-affarijiet malajr kemm jista’ jkun.

Eliżabetta għexet imħabbitha lejn il-familja bl-istess mod għall-imħabba lejn Alla, billi kemm hi kif ukoll ir-raġel tagħha baqgħu jipprattikaw il-fedeltà fiż-żwieġ, ir-rispett li kienu juru lejn xulxin, id-devozzjoni li kellhom għall-fidi u għax-xogħol ta’ kuljum. Huma t-tnejn kienu jpoġġu ’l Alla bħala ċ-ċentru tal-ħajja tagħhom. Huma jgħallmuna kif nistgħu aħna wkoll ngħixu din l-imħabba.

Kelma t’Alla (1 Korintin 13, 4-8a)
L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verita’; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt.

Spiritwalità Franġiskana
Mit-II Ittra ta’ San Franġisk lill-Insara 26-27, 30-31

Inħobbu ‘l għajrna bħalna nfusna, u min ma jridx jew ma jistax iħobbu bħalu nnifsu, għallanqas ma jagħmillux ħsara, iżda jagħmillu l-ġid. Ħa jkollna, għalhekk, imħabba w umilta’, u nagħtu karita’, għax dawn jaħslu r-ruħ mill-ħmieġ tad-dnubiet. Il-bnedmin jitilfu dak kollu li jħallu warajhom f’din id-dinja, imma jieħdu magħhom il-ħlas ta’ l-imħabba li jkunu wrew, u l-karita’ li jkunu għamlu. Ta’ dan huma jkollhom minn għand il-Mulej il-premju u l-ħlas li jkun jixirqilhom.

Riflessjoni
Aħna lkoll niffurmaw parti minn familja. Alla hu fiċ-ċentru tal-ħajja familjari tiegħi? L-imħabba tiegħi għall-oħrajn hi riflessjoni tal-imħabba ta’ Alla għalija?

4. Jimxu ferħanin ma’ wliedhom il-vjaġġ uman u spiritwali tagħhom.

Regola
“Bi trobbija nisranija, sempliċi u għaqlija, b’għajnejn miftuħa fuq il-vokazzjoni ta’ kull membru tal-familja, dawn il-miżżewġin jimxu ferħanin ma’ wliedhom il-vjaġġ uman u spiritwali tagħhom.”
Regola OFS Art. 17

Santa Eliżabetta ta’ l-Ungerija
Omm

Eliżabetta u r-raġel tagħha kellhom tliet it-tfal: Hermann, li kien l-eredi biex jiggverna Thuringia wara missieru, li però miet ftit wara li beda jirrenja fl-eta’ ta’ tmintax il-sena. It-tieni wild kienet Sophia, li żżewġet lil Enriku, Duka ta’ Brabant. It-tielet kienet Gertrude li twieldet ftit wara li miet Ludwig, missierha. Minn qabel ma twieldet, il-ġenituri tagħha kienu ddeċidew li titrabba f’monasteru ta’ l-Oblati sabiex tingħata kollha kemm hi ’l Alla. Meta kibret bdiet tmexxi hi l-monasteru ta’ Altenberg u baqgħet meqjuma bħala qaddisa.

Eliżabetta kienet taf u emmnet li l-ulied huma rigal minn Alla, frott tal-ġuf li huwa rigal. F’dawk iż-żminijiet, id-drawwa ta’ l-Insara kienet li jieħdu t-trabi l-knisja erbgħin jum wara li jitwieldu għar-rit tal-purifikazzjoni u tberik, biex ifakkru l-vjaġġ li għamlu Maria, Ġużeppi u ċ-ċkejken Ġesù lejn it-tempju f’Ġerusalemm wara li twieled. Eliżabetta wkoll għamlet hekk u marret fil-knisja ta’ Eisenach, ħafja, liebsa ħwejjeġ sempliċi u ġġorr it-tarbija tagħha f’idejha biex toffri l-frott tal-ġuf tagħha ’l Alla u b’hekk imitat lil Maria. Hemm ukoll hi ftakret f’dak il-kliem li qal Xmun fit-tempju: “U inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek!” (Luqa 2,35). Hi kienet taf li t-tfal jaf jagħtu ferħ kif ukoll tbatija u sagrifiċċju.

Kellha wkoll tgħaddi minn esperjenza ta’ ansjetà u swied il-qalb minħabba wliedha; wara li sfat imkeċċija mill-kastell tagħha, hi sofriet minn qtigħ il-qalb meta ma kienitx taf fejn tmur toqgħod jew kif kienet sa titma’ ’l uliedha u finalment ġiet sfurzata titbiegħed minnhom sabiex setgħu ikollhom x’jieklu u jitrabbew b’saħħithom. Uliedha kienu wieħed mill-akbar sagrifiċċji li hija għamlet għal Alla.

Eliżabetta riedet li wliedha jikbru fl-imħabba t’Alla u jtuh l-ewwel post f’ħajjithom. Hi kienet stqarret li kienet tippreferi li binha jilhaq saċerdot fqir Franġiskan milli jsir imperatur. Qatt ma kellha xi prużunzjoni jew kburija b’uliedha għax kienu wlied in-nobbli u setgħu wkoll jilħqu xi rjus kbar, iżda kienet biss tagħti każ ta’ ruħhom.

Kelma t’Alla (Luqa 6, 43-49)

“Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.

Għaliex issejħuli, ‘Mulej’, u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien? Kull min jiġi għandi u jisma’ kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min jixbaħ. Jixbaħ lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqu qiegħed is-sisien. Mbagħad għamlet xita bil-qliel, il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax jheżhiżha, għax kienet mibnija tajjeb.

Iżda min jisma’ kliemi u ma jagħmilx li ngħid jien, jixbaħ lil wieħed li jkun bena daru fuq l-art mingħajr ma qiegħed sisien. Il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuqha u minnufih iġġarrfet, u saret ħerba kbira minn dik id-dar!”

Spiritwalità Franġiskana
Regola mhux bullata Kap XXII, 17

Dik iż-żerriegħa imbagħad li ġiet miżrugħa f’art tajba hija dawk li, jisimgħu l-Kelma b’qalb tajba u mill-aħjar, jifhmuha u jżommuha u jagħtu l-frott billi jżommu sħiħ.

Riflessjoni
X’inhuma s-sisien li fuqhom qed nibni l-familja tiegħi?

5. Li jħarsu l-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu

Regola
“Ir-Regola u l-Ħajja tal-Franġiskani Sekulari hi din: li jħarsu l-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu billi jimxu fuq l-eżempji ta’ San Franġisk ta’ Assisi, li fl-imġiba ta’ ħajtu lejn Alla u lejn il-bnedmin, għamel lil Kristu l-ħsieb u l-qofol ta’ kollox.

Kristu, għotja ta’ l-imħabba tal-Missier, hu t-Triq li twassal għandu; hu l-Verita’ li l-Ispirtu s-Santu jdaħħalna fiha; hu l-Ħajja li Hu ġie biex jagħti u jagħti bil-kotra.

Barra minn dan, il-Franġiskani Sekulari għandhom jagħmlu ħilithom u jaqraw ta’ sikwit l-Evanġelju biex hekk jgħaddu mill-Evanġelju għall-ħajja u mill-ħajja għall-Evanġelju.”
Regola OFS Art. 4

Santa Eliżabetta ta’ l-Ungerija
Tiltaqa’ mall-Patrijiet Franġiskani

Ix-xewqa ta’ Eliżabetta biex tgħaddi ħajja aktar devota kompliet tikber dejjem fiha. Kienet irċeviet rigal li kien jikkorrispondi max-xewqat tagħha meta bejn l-1223 u 1224 kienu waslu l-ewwel missjunarji Franġiskani ġo Eisenach. F’dak iż-żmien Eliżabetta kellha madwar it-tmintax il-sena. Hi tat permess lil dawn is-saċerdoti biex jużaw knisja ġo Eisenach u tant saret devota lejhom illi hi stess nisġet tonka tas-suf għalihom it-tnejn.

Minn dak kollu li tgħallmet dwar il-ħajja ta’ San Franġisk u x-xogħol ta’ dawk il-patrijiet li kienu jmorru jduru ħafjin u jittallbu mad-dinja kollha, wisq probabbli ħalla mpatt enormi fuqha, għax meta kienet tkun mad-dami li kienu jikkumpanjawha, hi kienet tgeżwer magħha biċċa drapp diżutli u biċċa oħra ma’ rasha u tgħid: “Hekk nibda mmur nimxi meta nmur nittallab u nuri ruħi li ninsab fil-miżerja għall-imħabba t’Alla.” Din kienet aktar minn xewqa: biex twettaqha f’dak il-mument kien impossibbli minħabba li kellha l-familja tagħha. Wieħed minn dawk il-patrijiet Franġiskani, Patri Rodeger, sar id-direttur spiritwali ta’ Eliżabetta. Hu ħeġġiġha biex tgħix l-kastita’, l-umilta’ u l-paċenzja, u sabiex tisgħar fit-talb u twettaq għemejjel ta’ ħniena.

Forsi dawn il-patrijiet kienu jafu dwar il-Fraternitajiet Penitenzjali li kien hemm fl-Italja u kienu midħla tal­Memoriale Propositi (l-ewwel Regola Franġiskana għas-sekulari), kif ukoll l-ewwel ittra ta’ San Franġisk lill-aħwa tal­penitenza. Aħna ma nafhux jekk Eliżabetta osservatx jew le din ir-regola; li huwa ċert iżda, hu li aktar tard hi pprofessat bħala Penitenti. Jista’ jkun li osservat ir-regola b’mod informali. Pero’ żgur li fil-qiegħ nett ta’ qalbha kien hemm dik l-istess imħabba li San Franġisk kellu għall-umiltà u l-faqar.

Kelma t-Alla (Luqa 9, 57-62)

Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.” U qallu Ġesu’: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar ta’ l-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.”

Lil wieħed ieħor qallu “Imxi warajja.” Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel imur nidfen lil-missieri.” Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom. Iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla.” U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar.” Qallu Ġesu’: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura m’huwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla.”

Spiriwalità Franġiskana
Twissijiet Kap 6
Ħuti, ejjew ilkoll kemm aħna nsammru l-ħarsa tagħna fuq ir-Ragħaj it-tajjeb li sofra l-Passjoni fuq is-salib biex isalva lin-ngħaġ tiegħu! In-ngħaġ tal-Mulej imxew warajh fit-taħbit u l-persekuzzjoni, fil-mistħija u l-ġuħ, fil-mard u fit-tiġrib, u f’kull prova oħra; u ta’ dan kollu ħadu bħala premju mingħand il-Mulej il-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk, hu għajb kbir għalina, qaddejja ta’ Alla, li, waqt li kienu l-qaddisin li għamlu l-għemejjel tajba, aħna rridu nieħdu l-glorja u l-ġieħ sempliċement għax noqogħdu nsemmu dak li għamlu huma!

Riflessjoni
Li nagħarfu l-vokazzjoni tagħna u t-triq li rridu ngħaddu minnha huwa proċess tul ħajjitna kollha. Ħafna drabi jgħinna ħafna meta niltaqgħu ma’ persuni li jkunu qed jgħixu xi vokazzjoni. Meta ltaqgħet mall-Patrijiet Franġiskani, Eliżabetta saret taf bil-ħajja u t-tagħlim ta’ San Franġisk u li għenha tagħraf il-mixja tagħha f’ħajjitha. Minn hemm ‘il quddiem, hi għamlet l-għalmu tagħha kollu biex timxi fuq dak it-tagħlim.

U jien kif qed ngħix il-vokazzjoni tiegħi fl-Ordni Franġiskan Sekular?
Eliżabetta, mhux biss tgħallmet mingħand il-Franġiskani; hi tagħthom l-għajnuna li kellhom bżonn, kemm dik personali, kif ukoll fil-ministeru tagħhom. Din it-tip ta’ għajnuna u mħabba lejn xulxin għandu jkun ta’ eżempju għalina fir-relazzjoni li jkollna mall-patrijiet ta’ l-ewwel Ordni.

6. Jilqgħu lill-bnedmin kollha bħala għotja tal-Mulej

Regola
“Bħalma l-Missier jara f’kull bniedem is-sura-xbieha ta’ Ibnu, il-kbir fost ħafna aħwa, hekk il-Franġiskani Sekulari għandhom jilqgħu lill-bnedmin kollha b’qalb ħelwa u umli, bħala għotja tal-Mulej u xbieha ta’ Kristu. Is-sens tal-fraternita’ jagħmilhom hienja u lesti biex jitħalltu mingħajr kburija mal-bnedmin kollha, l-aktar maż-żgħar nett, li għalihom jagħmlu ħilithom kollha biex joħolqulhom kundizzjonijiet ta’ ħajja li tixraq lill-ħlejjaq mifdija minn Kristu.”
Regola OFS Art. 13

Santa Eliżabetta ta’ l-Ungerija
Sens ta’ ġustizzja u l-fqar

Eliżabetta kienet mgħallma mill-konfessur tagħha, Conrad ta’ Marburg, biex dejjem timxi skond il-kuxjenza tagħha. Dan hi għamlitu meta rrifjutat tiekol dak l-ikel li kien ipprovdut lilhom mill­għelieqi ta’ żewġha u li kienu ttieħdu b’mod inġust mingħand bdiewa foqra.

Hi kienet taf li l-foqra ma riedhux biss mingħandha l-kompassjoni tagħha, imma ġustizzja wkoll. Dan is-sens ta’ ġustizzja, kellu, aktar il-quddiem iwassalha, wara li tkeċċiet mill-kastell u l-artijiet tar-raġel tagħha, biex tirrifjuta li tkun sostnuta minn ħu żewġha li kien qed jiggverna Thuringia wara li sfat armla. Skond Irmingard (li kienet id-damiġella tagħha), dan hi għamlitu għax ma rieditx tirċievi l-għejxien tagħha minn fuq dar il-foqra, kif kien dejjem isir f’dawn iż-żminijiet.

Eliżabetta dejjem ippruvat tagħmel ħilitha kollha biex tippreserva d-dinjità tan-nies foqra li kienet tiltaqa’ magħhom. Peress li kienet taf illi ħafna drabi, kull meta kien imut xi ħadd fqir ma kienx jitkeffen, hi kienet tipprovdi drapp fin u xieraq u anke tkeffen il-mejtin foqra hi stess.

Fehmet ukoll li d-dritt tax-xogħol huwa wieħed mill-aktar elementi li jgħolli d-dinjità umana. Meta fis-sena 1226 kien hemm ġuħ kbir f’Thuringia, hi rat li l-foqra mhux biss kienu jiġu mitmugħa, imma li jkollhom x’jilbsu u l-għodda xierqa ħalli jkunu jistgħu jaħdmu u jippreparaw għall-prodotti agrikoli tagħhom.

F’dawk iż-żminijiet, kemm in-nisa tqal, kif ukoll it-trabi tagħhom, kienu jkunu mgħedda mill­faqar, kif, wara kollox anke llum naraw f’pajjiżi foqra, speċjalment fl-Afrika. Eliżabetta kienet tieħu ħsieb u tara li n-nisa’ tqal kien ikollhom x’jieklu biżżejjed. Mhux hekk biss, imma kienet ukoll tgħinhom finanzjarjament sabiex ikunu jistgħu jmantnu l-familji tagħhom.

Eliżabetta kienet tgħix ta’ sinjura ġo kastell, però xorta waħda kienet tagħti każ ta’ kull ma kien għaddej mis-swar ‘il barra. Kienet konxja mill-miżerji umani li kienu jeżistu. Hi kienet toħroġ u tiltaqa’ mal-foqra u bis-saħħa t’hekk inbidlet hi!

San Franġisk, fit-testment tiegħu qal li l-bidu tal-konverżjoni tiegħu kien meta ltaqa’ mall-lebbrużi. Fihom huwa ra t-tbatija ta’ Kristu. Eliżabetta wkoll rat lil Kristu fil-lebbrużi u skond leġġenda, darba waħda kienet daħħlet lil wieħed lebbruż fl-istess sodda tagħha u meta żewġha ħares lejn is-sodda, huwa ra ’l Kristu msallab hemm. Eliżabetta kienet iddur bil-lebbrużi billi taħslilhom saqajhom, tikkunslahom u anke tgħinhom finanzjarjament.

Fl-1226, meta żewġha mar l-Italja, waqa’ ġuħ kbir fil-Ġermanja. Eliżabetta temgħet il-foqra kollha billi qasmitilhom il-qamħ li kien hemm merfugħ fl­imħażen ta’ żewġha. Saħansitra kienet tqassam mill-istess ikel li kien ikollha hi.

Eliżabetta bniet sptar għal foqra ġewwa Wartburg u kienet iddur bil-morda, anke ma’ dawk fost l-għar każi ta’ mard. Qatt ma qatgħet qalba mill-kruha tal-mard jew mill-intiena li kienet toħroġ minn dawk l-imsejkna. Tant kienet qalbha tajba u tħenn illi t-tfal il-foqra kienu jmorru jiġru lejha u jsejħulha “Ma”.

Kelma t’Alla (Mattew 25, 34-36, 40)
Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu; “Jien kont bil-guħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni. Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”

Spiriwalità Franġiskana
Testment 1-3
Il-Mulej ta lili, fra Franġisk, il-grazzja li nibda nagħmel penitenza hekk: għaliex, billi jien kont ingħix fid-dnub id-dehra ta’ l-imġiddmin kienet għalija wisq ta’ min jistmerrha; iżda l-Mulej innifsu mexxieni f’nofshom, u jiena wrejt ħniena magħhom. U wara li qdejt dmiri lejhom, dak li qabel deherli li hu morr, inbidel għalija fi ħlewwa għar-ruħ u għall-ġisem. Imbagħad, qgħadt ftit, u ħallejt id-dinja.

Riflessjoni
Meta niltaqgħu ma’ min hu batut, irridu naraw lil Kristu fih, speċjalment fit-tbatijiet tiegħu. Irridu nagħtuh dik l-attenzjoni u l-imħabba personali bħalma kieku nagħtuha ‘l Kristu, għax hu wkoll ħuh. Il-laqgħa tagħna ma’ min qiegħed ibati trid tbiddilna wkoll, billi nitgħallmu nagħmlu sagrifiċċju għal ħaddieħor u ngħixu ħajja aktar sempliċi.

7. Jimxu wara Kristu, fqir u msallab

Regola
“Magħqudin ma’ l-ubbidjenza fejjieda ta’ Ġesu’, li ħalla r-rieda tiegħu f’idejn Missieru, għandhom iħarsu bil-fedelta’ kollha d-dmirijiet tagħhom skond il-qagħda ta’ kull wieħed u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja. Jimxu wara Kristu, fqir u msallab, billi jistqarruh ukoll fis-siegħa ta’ l-għawġ u l-persekuzzjonijiet.”
Regola OFS Art 10

Santa Eliżabetta ta’ l-Ungerija
Armla u mkeċċija mill-palazz

Ludoviku, ir-raġel ta’ Eliżabetta, kien ilu li ppjana biex imur għall-kruċjata ma’ l-imperatur Federiku II sabiex jeħilsu l-Art Imqaddsa minn idejn il­Musulmani. Għaldaqstant, f’Ġunju tal-1227 beda bil-vjaġġ tiegħu lejn l-Italja minn fejn kellu jaqbad xini li jieħdu fl-art qaddisa. Eliżabetta tant sabitha bi tqila li kellha tinfired minnhu, li marret miegħu sa tarf it-territorju tagħhom. F’dak iż-żmien kellha sitt xhur tqala bit-tielet tarbija.

Waqt li Ludoviku kien qiegħed Otranto, fl-Italja t’isfel, jistenna biex jimbarka xini li kellu jwasslu fl-Art Imqaddsa, faqqgħet epidemija serja fil-kamp tal­kruċjati u minħabba f’hekk huwa miet fil-11 ta’ Settembru 1227. L-aħbar tal-mewt tiegħu waslet għand Eliżabetta ftit wara li twieldet it-tarbija tagħha Gertrude. Hekk kif semgħet bil-mewt ta’ żewġha hija qalet: “La huwa miet, id-dinja u dak kollu li hemm sabiħ fiha issa miet għalija!”

Ftit xhur wara wasal lura għandha l-katavru ta’ żewġha u hi laqgħetu bħala sagrifiċċju għal Alla u talbet hekk: “Mulej, nirringrazzjak talli fil-ħniena kbira tiegħek għaraft tikkunslani b’dan il-ġisem mejjet ta’ żewġi li jiena tant xtaqt li nerġa’ nara. Int taf kemm kienet kbira imħabbti lejh, u ma jiddispjaċinix bis-sagrifiċċju li għamilna meta nfridna bl-iskop nobbli li tinħeles l-Art Imqaddsa. Kieku nista’, lesta li nagħti d-dinja kollha għalih u mmorru nittalbu flimkien tul ħajjitna kollha. Għalhekk, nitolbok tkun xhud tiegħi x’ħin nistqarr li ma rridx nifdi ħajtu, anke jekk tiswa biss xahra waħda, jekk din tkun kontra l-volontà tiegħek. Issa mela, nirrakkomanda lili nnifsi u ’l ruħu fil-grazzja tiegħek. Tkun magħmula dejjem il-volontà tiegħek.”

Eliżabetta kienet temmen li s-sagrifiċċji tagħna lil Alla għandna nagħmluhom minn jeddna u b’qalbna kollha. Kienet tgħid hekk: “Agħtu lil Mulej dak li għandkhom b’qalbkom kollha” u kienet ittenni dak il-kliem ta’ Ġob 1,21 “Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli; ikun imbierek isem il-Mulej.”

Eliżabetta ma damitx wisq biex tgħaddi minn esperjenza kera ta’ bidla radikali fil-ħajja tagħha. Kif qalet sew Isetrude, li kienet xhud waqt il-proċess tal-kanonizzazzjoni: “Wara l-mewt ta’ żewġha, Eliżabetta sfat imkeċċija mill-kastell u ġiet imċaħħda minn kull ma kellha minn xi wħud mill-ħbieb ta’ żewġha”. Għalkemm ir-raġuni għal dan qatt ma saret magħrufa, wisq propabbli dik il-persekuzzjoni seħħet bħala tpattijja għal dak li Eliżabetta kienet għamlet meta qassmet ħafna mill-ikel li kien inġabar mill-uffiċjali ta’ żewġha mingħand il-bdiewa. B’dak l-għemil tagħha kienet qed takkużahom b’serq u korruzzjoni. Ta’ dan l-għaġir, in-nobbiltà kollha ta’ Thuringia kienet ikkritikatha ħafna. F’dak il­kumplott, wisq propabbli kien involut ukoll ħu żewġha li ħa l-poter f’idejh wara li miet Ludoviku.

Ħafna mill-istoriċi ma qablux li Eliżabetta tkeċċiet b’mod fiżiku mill-kastell, xi wħud minnhom interpretaw il-fatt li telqet għax ħassitha moralment obligata tagħmel hekk għax mingħajr dħul mir-renti li kellu r-raġel tagħha, kienet tkun imġielha tiekol minn dak l-ikel projbit u allura għażlet li tħalli l-kastell. Meta telqet, qattgħet l-ewwel lejl f’kamra fejn kienu jaħżnu l-ikel tal-qżieqeż. Ħadd ma taha kenn għax beżgħu mill-uffiċjali li kellu żewġha. Fl-aħħar hija sabet dar fqira u kellha s-sofri l-privatezza, l-insulti, żuffjett u persekuzzjoni minn dawk ta’ l-istess klassi tagħha, iżda hi qatt ma waqgħet fi ħsibijiet ta’ tpattijja. Għalkemm kienet għaddejja minn perjodu ta’ inċertezza u biża’, hi dejjem afdat f’Alla.

Darba fost l-oħrajn, waħda mara li kienet għamlet karita’ magħha, waqqgħetha fit-tajn, però Eliżabetta qamet tidħaq u farfret ħwejjiġha. Kien f’dan iż-żmien meta kellha viżjoni ta’ Kristu li deher qiegħed jistedinha biex timxi warajH. Hi wieġbet: “Mela Mulej, int trid li tkun miegħi u jien irrid li nkun miegħek u ma rrid qatt li ninfired minnek.”

Kelma t’Alla (Mattew 26, 39)
“Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”

Spiriwalità Franġiskana
Twissijiet Kap 15
Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu ulied Alla. Iġibu tabilħaqq il-paċi dawk li, ibatu xi jbatu f’din id-dinja għall-imħabba tal-Mulej tagħna Gesu’ Kristu, jibqgħu jżommu l-paċi f’ruħhom u f’ġisimhom.

Riflessjoni
Kienet l-esperjenza tas-sofferenza li ressqet lil Eliżabetta lejn Kristu u biex qasmet it-tbatijiet tiegħu. L-esperjenza personali tal-faqar wasslitha biex tifhem aktar il-poverta’ bħala mezz li tkun tiddipendi minn Alla u mill-proxxmu.
X’inhi l-esperjenza tiegħi tat-tbatija?

8. Jgħixu l-misteri tal-ħajja ta’ Kristu

Regola
“Bħalma Ġesu’ kien il-veru aduratur tal-Missier, hekk għandhom jagħmlu mit-talb u mill-kontemplazzjoni l-qofol tal-ħajja u tal-ħidma tagħhom.
Għandhom jieħdu sehem fil-ħajja sagramentali tal-Knisja, l-aktar l-Ewkaristija; jingħaqdu fit-talb liturġiku, f’xi waħda mill-għamliet li trid il-Knisja. B’hekk jgħixu l-misteri tal-ħajja ta’ Kristu.”
Regola OFS Art. 8

Santa Eliżabetta ta’ l-Ungerija
Ħajja ta’ penitenza u talb. Il-karita’ u l-isptar ġewwa Marburg

Sakemm kien għadu ħaj żewġha, Eliżabetta ħalfet li tippersevera f’dik l-għamla ta’ ħajja li kieku kellha tgħix aktar minnhu, iżda meta miet, hi rrinunzjat għal kollox. Nhar il-Ġimgħa l-Kbira tal-24 ta’ Marzu 1228, hi poġġiet idejha fuq l-altar tal-kappella tal-Franġiskani Minuri ġo Eisenach u rrinunzjat għar-rikkezzi tad-dinja, għar-rieda tagħha u għal dak kollu li l-Mulej Alla jridna nċedu fil-Vanġelu. Wara ftit xhur, hi libset libsa fqira u pprofessat bħala Penitenti f’Marburg u dan għamlitu fil-presenza tal-patrijiet Franġiskani. Id­damiġelli tagħha Guda u Isentrude, ipprofessaw magħha wkoll flimkien ma’ żewġ nisa’ fqar oħra. Huma l-ħamsa għexu ħajja ta’ penitenza flimkien.

Il-Papa Girgor IX li kkanonizza lil Eliżabetta, kiteb hekk: “Hi libset il-libsa reliġjuża li ma fallitx minnha sa l-aħħar ta’ ħajjitha, biex tiċċelebra fiha nnifisha l-misteru tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu”.

Eliżabetta kienet issa tista’ twettaq xewqitha li tgħix fil-faqar. Tant kienet tħobb il-faqar komplet li kienet stqarret mal-konfessur Franġiskan tagħha Fra Gerard, li xtaqet tgħix ħajjitha bħall-lebrużi, tiddependi biss mill-karità.

Eliżabetta kienet devota għall-ħajja attiva ta’ karità u kompassjoni, iżda kienet ukoll devota għall-ħajja ta’ talb. Il-konfessur tagħha qal: “Minkejja dan ix-xogħol attiv kollu, nistqarr quddiem Alla, illi rari rajt mara kontemplattiva bħal din. Ġieli xi rġiel u nisa’ reliġjużi kienu spiss jarawha ġejja lura mit-talb sigriet tagħha b’wiċċha jixgħel, qisu minn għajnejha kienu ħerġin raġġi tax-xemx”.

Wara li Eliżabetta rċeviet kumpens mill-ġid li kellu żewġha, hi użat dan biex bniet sptar għall-foqra f’Marburg u li ddedikatu lil San Franġisk ta’ Assisi. Il-Papa Girgor IX bgħatilha relikwija tad-demm mill-istigmata ta’ sider San Franġisk biex titpoġġa fil­kappella ta’ l-isptar u fejn ingħatat ukoll indulġenza. Hekk kif tlesta l-isptar, hi sabet ġurnata biex tqassam lill-foqra dak li kien baqalha u dan għamlitu fil-bitħa ta’ l-isptar stess. Kif qassmet kollox, qabbdet ħuġġieġa kbira u qassmet il-ħobż lin-nies foqra u ħadet ħsieb ukoll li taħsel saqajhom u tidlikhom biż-żejt. In-nies il-foqra, hekk kif ħassewhom aħjar, kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment, bdew ikantaw. Eliżabetta qalet lill-ħbiebha: “Qed taraw, għidtilkom jien li hemm bżonn li nagħmlu n-nies kuntenti” u ferħet magħhom. Hi riedet tneħħi dawk il-barrieri soċjali li kienu jeżistu bejn is-sinjuri u l-foqra.

Min hemm il-quddiem ingħatat kollha kemm hi għas-servizz tal-fqar. Kienet taħsel il­morda u tpoġġihom fis-sodda, kienet timmedika l-feriti tagħhom u tlestilhom il-mediċini. Kienet tilgħab mat-tfal żgħar, inkluża waħda tifla żgħira li kienet lebbruża. Kienet ukoll tieħu ħsieb dawk in-nisa’ foqra tqal u t-tfal tagħhom. Kienet taqla’ xi ħaġa tal-flus għaliha u għal dawk li kienu jgħixu magħha billi kienet taħdem is-suf.

Kellha libsa fqira, kollha rqajja u miżjuda fit-tul b’lewn ieħor. Kienet tgħid lil seħbitha Irmingard: “ll-ħajja tas-sorijiet fid-dinja hi l-aktar waħda disprezzata u li kieku kien hemm ħajja għar minn hekk, kont nagħżel lilha”. Kienet taf li s-sinjuri saru jiddisprezzawha, iżda ħassitha ferħana għax kienet qed isservi lill- foqra.

Il-Kelma t’Alla (Luqa 9, 23-26)
Darba Gesu’ qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered? Għax jekk xi ħadd jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll jistħi minnu meta jiġi fil-glorja tiegħu u ta’ l-anġli mqaddsa.”

Spiriwalità Franġiskana
Twissijiet Kap 14
Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet. Huma ħafna dawk li jingħataw għat-talb u l-għemejjel tajba, jiċċaħħdu u jgħakksu wkoll lil ġisimhom; imma mbagħad, imqar għall-iċken kelma li jħossuha tweġġagħhom, jew jekk xi ħadd joħdilhom xi ħaġa, arahom malajr jitħawdu u jitlagħlhom bl-ikreħ. Dawn m’humiex foqra fl-ispirtu; għax min hu tabilħaqq fqir fl-ispirtu jobgħod lilu nnifsu, u jħobb lil dawk li jagħtuh bil-ħarta fuq wiċċu.

Riflessjoni
Il-veru sens ta’ ħajja penitenzjali huwa li wieħed jirrikorri lejn Alla. B’hekk niċħdu l-ħajja ta’ qabel, dik ta’ egoiżmu u mmutu biex ngħixu ħajja ġdida m’Alla. Eliżabetta qabdet din il-ħajja ta’ penitenza b’mod serju u fittxet li tmut kompletament biex tgħix għal Alla. Dan għamlitu filwaqt li baqgħet tgħix fid-dinja u mhux maqfula f’xi monasteru. Għalhekk il­ħajja tad-dinja m’għandhiex toqtol il-ħajja ta’ talb. Fil-fatt, hu meħtieġ li nitolbu kontinwament biex inżommu r-relazzjoni tajba m’Alla u dan speċjalment meta nkunu ffaċċjati b’distrazzjonijiet tad-dinja. Eliżabetta turina li t-talb u l-kontemplazzjoni huma verament possibbli filwaqt li aħna nkunu għaddejjin bil-ħajja attiva tagħna.

9. Ħabbara ta’ l-għola ferħ

Regola
“Bħala dawk li jwasslu l-paċi u li għandhom quddiem għajnejhom li dil-paċi trid tibqa’ tinbena bla tieqaf, huma fid-dmir li jfittxu t-toroq ta’ l-għaqda u tal-ftehim fratern. Dan iseħħ permezz tad-djalogu, b’qalbhom qawwija li fil-bniedem hemm ix-xrara ta’ Alla u li l-imħabba u l-maħfra għandhom il-qawwa li jġeddu kollox.
Bħala ħabbara ta’ l-għola ferħ, għandhom ifittxu, f’kull ċirkustanza tal-ħajja, li jwasslu ‘l-oħrajn il-ferħ u t-tama.
Imberkin ma’ Kristu fil-Qawmien glorjuż tiegħu, li jagħti tifsira sħiħa lil Oħtna l-Mewt, iħarsu bis-sliem lejn l-aħħar jum meta jiltaqgħu mal-Missier.”
Regola OFS Art. 19

Santa Eliżabetta ta’ l-Ungerija
Il-mard u l-mewt
Matul l-aħħar tliet snin tal-ħajja tagħha, Eliżabetta kienet tkun marida spiss, però xorta waħda ma kienitx taqta’ qalbha u baqgħet għaddejja fis-servizz li kienet iddedikata fih. Anke meta kienet sfurzata biex tinxteħet fis-sodda, kienet tħejji s-suf għall-insiġ.

Meta mardet, Eliżabetta indunat li kienet qed toqrob lejn il-mewt, avolja kellha biss 24 sena, b’dana kollu hi aċċettat din is-sitwazzjoni bħala l-volontà t’Alla li kien ħejja għaliha. Dawk ix-xhieda li kienu preżenti matul l-aħħar marda tagħha, stqarrew li “Eliżabetta baqgħet ferħana u assorbita fil-qiegħ ta’ qalbha fit-talb.” Meta xi kultant kien jinżel xi għasfur u jpoġġi fuq ħoġor it­tieqa ta’ kamritha, hi kienet tibda tkanta għat-tisfir tiegħu.

Hekk kif indunat li kienet waslet biex tmut, hi qalet lill-konfessur tagħha Korradu li riedet timmedita t-tmiem ta’ ħajjitha u l-ħaqq sever wara mewtha mill-Imħallef Omnipotenti għax riedet tkun lesta biex tagħti kont ta’ ħajjitha kollha. Hi mietet fis-17 ta’ Novembru tal-1231.

Il-Kelma t’Alla (Mattew 25, 1-13)
“Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbħuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloħ u ħamsa għaqlin, għax il-boloħ ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies.

L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu. Mbagħad f’nofs ta’ lejl instema’ min jgħajjat, ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’ Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloħ qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’ Qabżu l-għaqlin u qalu, ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.’

X’ħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, ‘Sinjur, Sinjur, iftħilna!’ iżda hu weġibhom u qal, ‘Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’ Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.”

Spiriwalità Franġiskana
L-aħħar rieda miktuba lil Santa Klara
Jiena, ħukhom iċ-ċkejken Franġisku, irrid nimxi fuq il-ħajja u l-faqar ta’ l-Aktar Għoli il-Mulej tagħna Gesu’ Kristu, u ta’ l-Omm l-aktar qaddisa tiegħu, u nibqa’ miexi fiha sal-aħħar. U nitlob lilkom, sinjuri tiegħi, u nagħtikom ukoll dan il-parir: li tibqgħu tgħixu f’din il-ħajja l-aktar qaddisa u fil-faqar. U għassu sewwa fuqkom infuskom li, minħabba t-tagħlim u l-pariri ta’ xi ħadd, kien min kien, ma jiftlilkomx titbegħedu min dan l-idejal.

Riflessjoni
Eliżabetta tgħallimna kif għandna nħejju ruħna għall-mewt u dan mhux b’niket, imma b’ferħ għax nafu li nkunu sa ningħaqdu m’Alla. Matul l-erba’ u għoxrin sena ta’ ħajjitha, Eliżabetta rnexxielha twettaq ħafna aktar minn dawk li jgħixu tmenin sena jew aktar! Meta aħna nimitawha, huwa mportanti li nkunu lesti biex nagħtu kont ta’ ħajjitna lil Alla għax ma nafux meta sa nidhru quddiemu għall-ġudizzju u għaldaqstant għandna nkunu ppreparati biex isibna lesti.

TMIEM

IL-PROFESSJONI (Godwin Vella Clark)

IL-PROFESSJONI

Il-Grazzja tal-Professjoni:
* Il-Mulej jagħti l-Grazzja li wieħed jikkonsagra lilu nnifsu għall-kawża tar-Renju.
* Il-Professjoni hija Grazzja u Rigal ta’ l-Ispirtu.
* Ir-Ritwal tal-O.F.S. irid juri d-Don ta’ l-Ispirtu mogħti lill-Ordni Frangiskan Sekular, kif ukoll l-impenn tal-ħajja evanġelika tiegħu.

Il-Professjoni: Azzjoni tal-Knisja.
* Il-Professjoni hi simultanjament azzjoni ta’ Kristu kif ukoll tal-Knisja.
* Il-Professjoni hi azzjoni ekkleżjali solenni li ssir pubblikament.
* Il-Professjoni hi ġrajja ta’ salvazzjoni.

Il-Professjoni u l-Fraternità:
* Il-Fraternità Lokali turi l-preżenza u l-azzjoni tal-Knisja viżibbli waqt il-Professjoni. Għalhekk “Il-Professjoni, li min-natura tagħha hi att pubbliku u ekkleżjali, trid tiġi ‘ċċelebrata fil-preżenza tal-Fraternità kollha kemm hi.”

*Il-Professjoni tiġi mwettqa quddiem il-Fraternità kollha li tkun qed tirċievi t-talba tal-kandidati. Fil-fatt, il-Professjoni hija rigal tal-Missier li jkun qed jagħti membri ġodda lill-Fraternità.

* Il-Professjoni tipproduċi d-dħul fl-Ordni Franġiskan Sekular; ikun qed jiġi nserit, tkun qed tingħaqad persuna oħra fil-Familja Franġiskana, bil-konsegwenza li dawn ikunu qed jibdew jappartjenu għall-istess familja spiritwali.

Ir-Ritwal juri biċ-ċar kemm hi sagra l-Professjoni li fiha aħna nkunu qed nintrabtu li nimpenjaw ruħna għal ħajjitna kollha biex ngħixu l-ħajja evanġelika, u dan inkunu qed inwiegħduh ’l Alla personalment fuq l-altar.

Il-Ministeri waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Professjoni:

Il-wiegħda tal-ħajja evanġelika jirċeviha l-Ministru, f’isem il-Knisja u l-Fraternità. Waqt din iċ-ċelebrazzjoni, il-Ministru tal-Fraternità ikun qiegħed jeżerċita ministeru liturġiku veru u propju. Hu jagħmel viżibbli u jimmanifesta l-preżenza u l-azzjoni tal-Knisja, waqt li l-Knisja nnifisha u l-Fraternità jkunu qed jirċievu l-Professjoni mingħandu.

Is-Saċerdot li jippresjedi waqt din iċ-ċelebrazzjoni, ikun ix-xhud tal-Knisja kif ukoll tal-Familja Franġiskana. Ix-xhieda tas-saċerdot mhiex waħda ġuridika, iżda sagramentali u ta’ qdusija. Bħala xhud, is-saċerdot ikun qiegħed jiggarantixxi li l-kandidat li jkun sa jipprofessa huwa eliġibbli u jikkonformi mal-wegħdiet f’isem il-Knisja.

Ir-rigal ta’ l-Ispirtu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Professjoni:

* Iċ-ċelebrazzjoni tal-Professjoni fl-O.F.S. hi finalment għal qdusija ta’ dawk li jkunu msejħa biex jimxu wara Kristu fuq l-eżempju ta’ San Franġisk t’Assisi waqt li jibqgħu fl-istat sekulari tagħhom.

* Il-Qdusija hija dejjem il-ħidma tal-Missier, però din tgħaddi bl-interċessjoni ta’ Ġesù Kristu u l-Knisja, fl-Ispirtu s-Santu. Il-medjazzjoni ta’ Kristu u l-Knisja huma manifestati fuq kollox, bl-azzjoni tas-saċerdot, għax hu jkun l-unika persuna li tirrappreżenta ’l Kristu.

Il-Professjoni u r-relazzjoni tagħha ma’ l-Ewkaristija:

* Fl-azzjoni liturġika tal-Professjoni fl-O.F.S., l-Ispirtu s-Santu jiġi nvokat, l-istess kif jiġi msejjaħ fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika u fis-Sagramenti l-oħra. Għalhekk, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Professjoni ssir invokazzjoni ekkleżjali li tirrikjedi r-rigal tal-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq dawk li jkunu gew imsejħa biex jimxu wara Kristu fil-ħajja evanġelika Franġiskana.

* Mela l-Professjoni tassumi s-sinifikat tal-Pentekoste, l-istess bħal epifanija ta’ l-Ispirtu li jikkonsagra u jittrasforma lil dawk li jkunu qed iwiegħdu ħajja evanġelika fl-Ordni Franġiskan Sekular.

* L-att tal-Professjoni huwa l-manifestazzjoni speċifika ta’ ministeru liturgiku, kif ukoll azzjoni saċerdotali ta’ persuna mgħammda u bil-griżma, u jkollha effett bil-preżenza u bl-azzjoni attiva tas-saċerdot.

* Permezz tas-saċerdot, il-Knisja tassoċja l-Professjoni mas-sagrifiċċju ta’ l-Ewkaristija: għalhekk ir-rit tal-Professjoni għandu jiġi ċelebrat waqt quddiesa.

* Fil-kuntest tal-Ewkaristija, meta persuna tkun qed tagħmel il-wiegħda ta’ ħajja evanġelika, tkun qed tpoġġi lilha nnifisha għad-dispożizzjoni t’Alla, l-istess bħala l-vittma tas-sagrifiċċju, qaddis u aċċettat minn Alla.

* Il-Professjoni mhiex att ta’ mument iżolat mill-ħajja; għal kuntrarju, hija impenn tal-ħajja tal-individwu għall-ħajtu kollha. L-att tal-Professjoni jiddetermina sitwazzjoni ġdida ta’ dak li jkun, ħajja permanenti li wieħed irid jgħix f’relazzjoni kontinwa ma’ l-Ewkaristija.

Magħmudija u Professjoni:

* Ir-rabta bejn l-O.F.S. u l-Professjoni ssir biex “B’dan il-mod jidher fihom id-don kbir tal-grazzja tal-magħmudija u jkunu jistgħu jaslu għall-perfezzjoni tagħha b’mod aktar sħiħ u li jagħti frott.” (Ritwal)

* Il-Profesjoni tipproduċi effetti partikulari fuq in-Nisrani, ġenerati bil-Magħmudija.

Tifkira tal-Magħmudija:

* Il-Professjoni, fiha nnifisha hi “tiġdid tal-konsagrazzjoni u tal-wegħdiet tal-Magħmudija u tal-Konfermazzjoni.”

* Il-Professjoni fl-O.F.S. ġiet definita bħala “Tifkira tal-Magħmudija”.
Din trid tiġi miftiehma fis-sens bibbliku ta’ “tifkira”. Mela bit-tifkira nifhmu li rridu nerġgħu mmorru lura għall-Magħmudija u fl-istess ħin inħallu s-Sagrament li kien beda dak in-nhar, iġeddidna u nibdew ħajja oħra.

Xhieda u strumenti fil-missjoni tal-Knisja: (relazzjoni magħha)

* “Midfunin u mqajmin ma’ Kristu fl-Magħmudija li tagħmilhom membri ħajjin tal-Knisja u marbutin b’akbar għożża magħha bil-Professjoni, għandhom ikunu xhieda u għodda tagħha fost il-bnedmin, billi jħabbru ’l Kristu bl-għemil u bil-kelma tagħhom. Imnebbħin minn San Franġisk u msejħin miegħu għat-tiġdid tal-Knisja, jagħmlu l-eqqel ta’ ħilithom biex jgħixu f’għaqda sħiħa mal-Papa, ma’ l-Isqfijiet u mas-Saċerdoti billi jiftħu djalogu sinċier u mimli fiduċja ta’ appostolat bnin
li jrodd il-frott u li jkun kreattiv.” (Regola 6)

* Il-missjoni tal-Franġiskani Sekulari mhiex definita b’xi attivita’ speċifika, iżda bil-mod li bih “jgħixu”.

* Li skop tar-Regola, Kostituzzjonijiet u r-Ritwal, huma biex jenfasizzaw il-bżonn ta’ ħajja awtentika ekkleżjali, b’saħħitha aktar u konsistenti bil-mod li l-Fran giskani Sekulari ntrabtu mal-Knisja bis-saħħa tal-Professjoni. Din hi fuq kollox, għaqda komunjoni, dan huwa l-element bażiku li hemm bżonn jiġi enfasizzat.

* Fl-aħħar mill-aħħar, il-Missjoni tal-Franġiskani Sekulari hija biex jibnu l-Knisja mill-ġdid.

Konsagrazzjoni:

* “....bili-grazzja ta’ Alla, inġedded il-wegħdiet tal-Magħmudija tiegħi u nikkonsagra lili nnifsi għall-qadi tas-Saltna tiegħu.” (Ritwal)

* Il-Professjoni huwa l-att li bih nagħtu lilna nfusna ‘l Alla u nħalluh imexxina Hu, bil-konsegwenza li minn dak il-ħin stess niġu “esproprijati” minn Alla. Għaldaqstant, bis-saħħa tal-Professjoni aħna nsiru propjeta’ t’Alla u għalhekk “qaddisin”.

* Bil-Professjoni, aħna nsiru dedikati għall-proġett t’Alla, li huwa l-pjan tas-salvazzjoni, li naqdu fir-Renju Tiegħu bil-mod tal-ħajja tagħna.

* Dan il-proġett, skond kif inhu delineat fir-Regola u l-Kostituzzjonijiet, jiffoka u jdur fuq l-impenn li rridu ngħixu l-kumplament ta’ ħajjitna l-Vanġelu u dan bil-mod li għexu San Franġisk.

Kif riedna ngħixu San Franġisk:

* Ngħixu l-Vanġelu bħal San Franġisk u permezz tar-Regola approvata mill-Knisja (Regola 2; Kost.1,3:8,1)

* Għalhekk, għal dawk li jintrabtu bil-Professjoni fl-O.F.S. “biex jilħqu l-perfezzjoni ta’ l-imħabba skond l-istat sekulari tagħhom” (Regola 2)

* L-intenzjoni ta’ San Franġisk kienet sempliċement biex nerġgħu lura għall-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu. Mela kull vokazzjoni Franġiskana hi sejħa “evanġelika”. Għalhekk, il-Franġiskani jridu jimitaw lil San Franġisk u bħala m’għandhomx ikollhom mod ta’ ħajja jew regola oħra għajr dik tal-Vanġelu.

* Aktar milli hi Regola, nistgħu insejħulha “ħajja”, għax San Franġisk riedna li nħarsu l-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu.

* “Ir-Regola u l-Ħajja tal-Franġiskani Sekulari hi din: li jħarsu l-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu, billi jimxu fuq l-eżempju ta’ San Franġisk ta’ Assisi”. (Regola 4).

DIRETTIVI DWAR IL-FORMAZZJONI

ORDNI FRANĠISKAN SEKULAR

Dik il-persuna li tkun responsabbli mill-Formazzjoni tal-membri, kemm dawk professi, kif ukoll ta’ dawk il-kandidati prospettivi biex jgħixu l-ħajja tagħhom fi ħdan l-Ordni Franġiskan Sekular, għandha responsabbiltajiet kbar.

Il-Formatur irid ikun persuna matura, lest biex jiddjaloga mal-membri tal-Fraternità, jagħraf jiġġudika b’mod għaqli u jkun kapaċi jesprimi ruħu sew u japplika b’mod prattiku dak li jkun tgħallem.

L-Identità tal-Formatur nistgħu naqsmuha fi tliet kwalitijiet:
(a) l-ewwel u qabel kollox irid ikun bniedem uman;
(b) persuna ta’ ċerta spiritwalità;
(c) li jkun midħla tat-tagħlim u tal-kariżma Franġiskana.

(a) Bniedem Uman - li jkun kapaċi jittrasmetti dak li jkun tgħallem lil oħrajn, li jiddjaloga u jaqsam l-esperjenzi u ma jkunx qisu għalliem qed jgħati xi lezzjoni. Li jkun onest emozzjonalment u kapaċi jagħraf il-limitazzjonijiet ta’ l-oħrajn. Irid jieħu r-responsabbiltà ta’ dak li jkun qed jagħmel u jrid jaċċetta l-opinjoni ta’ ħutu li jkunu f’din il-mixja flimkien miegħu. Irid ikun lest biex jiskuża ruħu meta jiżbalja jew jonqos. Irid jisma’ lil ħaddieħor bla ma jinterrompi. Jifhem li l-persuna tkun kapaċi tikber spiritwalment, però ħadd ma jista’ jkun perfett, għax wieħed hu perfett, Alla l-Imbierek.

(b) Bniedem ta’ ċerta spiritwalità - li jkun nisrani “ta’ veru” - li tkun persuna ta’ talb ¬devot u jimmedita l-kelma t’Alla - irid ikun familjari mat-tagħlim tal-Knisja u li jimpenja ruħu fil-bini tal-Knisja billi juża sew it-“talenti” li tah Alla.

(c) Bniedem ta’ Kariżma Franġiskana - il-Formatur irid jifhem sew x’inhi l-kariżma ta’ San Franġisk, sabiex b’hekk ikun ta’ xhieda fl-O.F.S. billi jgħix il-Vanġelu fuq it-¬tagħlim ta’ San Franġisk, f’konverżjoni bil-kelma t’Alla fil-Fraternità, bħala membru tal-Knisja Kattolika, jgħix il-ħajja sekulari fl-istat tiegħu jew tagħha. Dan irid ikun familjari mar-Regola, Kostituzzjonijiet, Statuti, mar-Ritwal, kotba u tagħlim Franġiskan, kif ukoll fuq id-dokumenti uffiċjali tal-Knisja.

Ir- Rwol

L-għan tal-Formatur huwa li jgħin il-membri l-ġodda fil-konverżjoni tagħhom u jakkumpanjahom f’din il-mixja spiritwali. Irid jagħti attenzjoni ndividwali lil kull kandidat u jżomm quddiem għajnejh li kull individwu huwa differenti. Jifhem li dak li jkun qed jagħmel huwa għall-imħabba t’Alla. Huwa jrid jaqsam it-talenti tiegħu mal-kandidati, kif ukoll mal-Fraternità kollha u li ma jistenna xejn lura, irid juri sens kbir ta’ umiltà. Irid ikollu l-kuraġġ u ma jaqtax qalbu. Ikun lest li jfassal pjan ta’ direzzjoni adatta għal kull individwu u jara li dan ikun ħafif biex jiġi attwat.

Missjoni

Il-missjoni tal-Formatur hi waħda sempliċi: hi l-istess missjoni li kellhom l-Appostli, San Franġisk, kull min jevanġelizza, int u jien. Din il-missjoni hi: “Morru mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u tal-Ispirtu s-¬Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.” (Matt. 28, 19-20)

Passi għall-Formazzioni:

Artiklu 23 tar-Regola jgħid hekk: “Id-dħul u s-sħubija jseħħu billi jkun hemm żmien ta’ bidu,żmien ta’ Formazzjoni li jtul ta’ l-anqas sena, u l-Professjoni tar-Regola.” Artiklu 37 tal-Kostituzzjonijiet Ġenerali jgħid: “Id-dħul fl-Ordni jsir permezz ta’ żmien ta’ inizjazzjoni, żmien ta’ formazzjoni u l-Professjoni tar-Regola.” Però dawn huma l-minimu ta’ dak rikjest. Kull pajjiż għandu jgħaraf jadotta skond il-ħtiġijiet u l-użanzi tiegħu. Li hu żgur huwa, li dawn il-passi tal-bidu ma jistgħux jiġu eliminati, nistgħu ntawwluhom jew naqsmuhom f’żewġ partijiet u aktar, però mhux anqas. Huwa mportanti ħafna li din il-formazzjoni ssir fi ħdan il-Fraternità KOLLHA!! L-individwu jrid jikkopera mal-Grazzja t’Alla u jkollu l-volontà u r-rieda li jkabbar il-fidi tiegħu permezz tal-Ordni Franġiskan Sekular.

Perjodu Inizjali

L-għan prinċipali huwa, biex wieħed jiskopri l-vokazzjoni vera u biex jintroduċi ruħu għall-Ispiritwalità Franġiskana.

Kontenut waqt iż-żmien Inizjali

Għandu jiġi ntrodott u miftiehem il-proċess tad-djalogu u qsim ta’ opinjonijiet. Titneħħa l-¬idea li l-Formatur huwa xi forma ta’ għalliem u li l-kandidat huwa xi student. Wieħed irid ifiehem sew x’inhi l-vokazzjoni u kif wieħed jiddixxerni, jagħżel sew. Irridu nenfasizzaw mill-bidunett, li l-kandidat innifsu huwa responsabbli għall-aġenti l-oħra tal-formazzjoni. Infiehmu sew x’ikun qiegħed jiġri matul iż-żmien ta’ formazzjoni u xi jkun mistenni minnhu wara l-Professjoni. Huwa mportanti wkoll li nintroduċu lil San Franġisk u Santa Klara ma’ dawn l-aħwa l-ġodda.

Barra minhekk, irridu wkoll indaħħlu talb ieħor Franġiskan, nenfasizzaw l-importanza ta’ l-¬Iskrittura Mqaddsa fil-ħajja tal-Franġiskani Sekulari, speċjalment tal-Vanġeli. lkun hemm bżonn li nħejju l-individwu biex jikber fit-tagħlim tal-Knisja. Ninkoraġġixxu wkoll it-talb bil-“Liturġija tas-Siegħat”. Dawk l-aħwa li għad iridu jipprofessaw hemm bżonn li jkunu jafu aktar fuq ir-Regola, il-Kostituzzjonijiet, l-Istatuti, u informazzjoni ġenerali fuq l-istorja Franġiskana, u mhux anqas fuq l-istorja tal-Ordni Franġiskan Sekular.

Mela l-għan prinċipali ta’ dan iż-żmien inizjali huwa li ngħinu l-kandidat jikber b’mod spiritwali fil-ħajja Franġiskana, kif ukoll jagħraf aktar is-sinifikat ta’ din l-għażla u biex jipprepara ruħu sew għal dan l-impenn perpetwu bħala Franġiskan Sekular.

Għal dawk li jkunu għadhom kif ipprofessaw, jagħmlu sew jekk ikomplu jistudjaw, iħobbu u jgħixu r-Regola. Irridu nipprovdulhom eżempji mill-ħajja ta’ San Franġisk u ta’ qaddisin oħra Franġiskani, speċjalment waqt li nkunu qed niddiskutu flimkien. Jekk ikun possibbli, membri professi ġodda minn diversi Fraternitajiet jiltaqgħu flimkien aktar spiss sabiex, f’sens ta’ mħabba fraterna, jaqsmu bejniethom opinjonijiet u fehmiet differenti, u b’hekk ikunu jistgħu jitgħallmu minn xulxin.

Formazzjoni Kontinwa

L-għan principali tal-formazzjoni kontinwa huwa biex jissoda u jsaħħaħ dak l-impenn li sar fil-professjoni, li wieħed jgħix skond ir-Regola għal kumplament ta’ ħajtu. Għaldaqstant il-formazzjoni kontinwa trid tkun manifestata b’konverzjoni kontinwa. M’hemmx limitu għall-materjal matul il-formazzjoni kontinwa. Li wiehed jgħix il-Vangelu, mhux sempliċement tkun taf il-Vanġelu, iżda huwa mpenn fl-attitudni tagħna. Kull meta niltaqgħu fil-fraternitajiet tagħna, inkunu qed nikbru fil-formazzjoni. L-irtiri huma bżonnjużi ħafna, kif ukoll il-laqgħat ta’ talb li jiġu organizzati bejnietna. Hemm ukoll id¬-dokumenti tal-Knisja li l-Enċikliki. Kotba, tapes u videos fuq San Franġisk u fuq Spiritwalità Franġiskana nsibu kemm irridu. Mezz ieħor huwa li naqbdu r-Regola tagħna u nistgħu nużawha biex nimmeditaw fuqha.

M’hemmx żmien x’naħlu, qatt m’huwa tard. Jekk ma ħadnhiex interess qabel għax forsi ma konnhiex nafu kif għandha tkun il-Formazzjoni, issa m’hemmx skużi. Minnha biss jiddependi. Kuraġġ, u j’Alla almenu nippruvaw nimxu ftit fuq dawn il-passi, ħalli b’hekk inkunu aħwa kif jixraq fl-Ordni Franġiskan Sekular!

Godwin Vella Clark - April 2008

Formation Programme 2007-2008

Sunday, November 25, 2007
Formation Programme 2007-2008

1. Il-Foqra fl-Ispirtu
“Ħenjin il-foqra fl-ispirtu,għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.” Matt 5, 3

a. Papa San Iljun il-Kbir Il-Beatitudni
L-istess kliem qaddis ta’ Kristu jixhed x’kien it-tagħlim tiegħu, u dawk li jixtiequ jaslu fl-hena ta’ dejjem fih jaraw liema hi t-triq li twassalhom għalih. Ħenjin il-foqra fl-ispirtu, qal, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.
Forsi ma kienx jidher ċar dwar liema foqra kien qed jitkellem Ġesu’, il-Verita’ fih innifsu, kieku qal biss Ħenjin il-foqra u ma żied xejn biex juri dwar liema foqra kien qed jitkellem; xi ħadd kien jista’ jaħseb li, biex wieħed jikseb is-saltna tas-sema, kien ikun biżżejjed għalih li jkollu dak il-faqar li fih jgħixu dawk li huma neqsin minn kull ma jeħtieġu.
Imma meta l-Mulej qal Ħenjin il-foqra fl-ispirtu, wera li s-saltna tas-smewwiet tingħata lil dawk li huma umli f’qalbhom, aktar milli ’l dawk li huma neqsin mill-ġid tad-dinja.

b. Skrittura: Luqa 1, 46-55
Mbagħad qalet Marija:
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
U l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
Għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli ħienja,
Għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
Qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
Fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
Xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
U għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
U l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
Għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
Bħalma wiegħed lil missirijietna,
B’risq Abraham u nislu għal dejjem.”

c. Il-Ferħ Perfett Fjuretti Kapitlu 8
Kienet ix-xitwa, u San Franġisk flimkien ma’ fra Leone kienu mexjin minn Peruġia lejn Santa Marija ta’ l-Anġli. Il-ksieħ kien ixoqq il-għadam, u t-tnejn kienu maħqura bih. San Franġisk sejjaħ lil fra Leone, li kien miexi ftit ’il quddiem, u qallu hekk: “Fra Leone, ukoll kieku l-Aħwa ż-Żgħar tad-dinja kollha kellhom jagħtu eżempju kbir ta’ qdusija, u jkunu ta’ edifikazzjoni: b’dana kollu, ikteb u innota tajjeb li l-ferħ perfett ma jinstabx f’dan.”
… Komplew mexjin ftit ’il quddiem, u San Franġisk sejjaħlu għat-tieni darba: “O fra Leone, li kieku xi ħadd mill-Aħwa ż-Żgħar kellu jagħti d-dawl lit-torox u l-mixi liz-zopop, il-kelma lill-muti u, ħaġa aktar ta’ l-għaġeb, iqajjem għall-ħajja mejtin li jkun ilhom erbat ijiem fil-qabar; ikteb li, l-ferħ perfett ma jinstabx f’dan.”
… Wara ftit passi oħra, San Franġisk għajjat aktar bil-qawwi: “O fra Leone, li kieku xi ħadd mill-Aħwa ż-Żgħar kellu jkun jaf l-ilsna kollha, u jkun jaf ix-xjenzi kollha u l-Kotba Mqaddsa, hekk li jkun kapaċi jagħmilha ta’ profeta u jagħti tagħrif ċar mhux biss dwar dak li għandu jiġri fil-ġejjieni, imma wkoll jaqra fil-kuxjenza u l-imħuħ tal-bnedmin: ikteb li lanqas f’dan ma jinstab il-ferħ perfett.”

d. Twissijiet Kap 14 San Franġisk ta’ Assisi
Ħenjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet. Huma ħafna dawk li jingħataw għat-talb u l-għemejjel tajba, jiċċaħħdu u jgħakksu wkoll lil ġisimhom; imma mbagħad, imqar għall-iċken kelma li jħossuha tweġġagħhom, jew jekk xi ħadd joħdilhom xi ħaġa, arahom malajr jitħawdu u jitlagħlhom bl-ikreħ. Dawn m’humiex foqra fl-ispirtu; għax min hu tabilħaqq fqir fl-ispirtu jobgħod lilu nnifsu, u jħobb lil dawk li jagħtuh bil-ħarta fuq wiċċu.

Nirrifletti ….
Għaliex nista’ nkun ħieni anki fil-problemi u t-tbatija?

___________________________________
2. Ħenjin l-Imnikkta
“Ħenjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.” Matt 5, 4


a. Papa San Iljun il-Kbir Il-Beatitudni

Wara li ħabbar il-faqar ħieni, il-Mulej żied jgħid: Ħenjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. In-niket li għalih hu mwiegħed il-faraġ tas-sema, għeżież tiegħi, ma għandu xejn x’jaqsam man-niket ta’ din id-dinja, u t-tnehid kollu li jitniehdu l-bnedmin kollha tad-dinja m’hux se jagħmel lil xi ħadd ħieni. In-niket tal-qaddisin m’hux bħal dan, it-tnehid tagħhom jiġi minn ħaġa oħra.
In-niket tal-qaddisin ġej mit-tnehid għad dnubiet tagħhom jew ta’ l-oħrajn, u l-qaddisin ma jitnikktux għaliex Alla jikkastiga l-midneb bil-ġustizzja skond il-ħaqq u s-sewwa, imma jisgħob bihom għax il-bnedmin jagħmlu l-ħażen; huma jħossu li għandhom jitnikktu aktar għal min jagħmel id-deni milli għal min iġarrab id-deni, għaliex il-ħażen li jagħmlu l-ħżiena iwassalhom għall-kastig, waqt li s-sabar li juru t-tajbin iwassalhom għall-glorja.

b. Luqa 15, 1-10

Il-publikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”
U Ġesu’ qabad u qalilhom din il-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, issejjah għandu lil ħbiebu u l-ġirien u jgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.’ Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.
Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha! U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli.’ Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.”

c. Il-Ferħ Perfett Fjuretti Kapitlu 8

Imxew ftit ieħor, u San Franġisk sejjaħ mill-ġdid b’leħen aktar qawwi: “O fra Leone, ħarufa ċkejkna ta’ Alla, imqar li xi ħadd mill-Aħwa ż-Żgħar kellu jitkellem b’leħen ta’ anġlu, u jkun jaf il-mixja tal-kwiekeb u l-qawwa mediċinali tal-ħxejjex, u jikseb tagħrif dwar it-teżori kollha ta’ l-art, u jkun jaf il-kwalitajiet ta’ l-għasafar u tal-ħut u ta’ l-annimali kollha u tal-ġebel u ta’ l-ilmijiet: ikteb li mhux f’dan kollu jinsab il-ferħ perfett.”
Terġa’, wara ftit, San Franġisk sejjaħ b’għajta qawwija: “U fra Leone, li xi ħadd mill-Aħwa ż-Żgħar kellu jkun jaf jippriedka tant tajjeb, hekk li jdawwar għall-fidi ta’ Kristu lil dawk kollha li m’għandhomx fidi fih: ikteb li, lanqas f’dan ma hemm il-ferħ perfett.”

d. Twissijiet Kap 11 San Franġisk ta’ Assisi

Xejn ħlief id-dnub ma għandu jnikket lill-qaddej ta’ Alla. U jekk ikun hemm xi persuna li tkun dinbet, kien liema kien id-dnub tagħha, minħabba f’hekk il-qaddej ta’ Alla la għandu jitħawwad u lanqas jitlagħlu, ħlief jekk dan jagħmlu mqanqal mill-imħabba, għax inkella jkun qed jiġma’ għalih innifsu l-ħtija. Dak il-qaddej ta’ Alla li xejn ma jġegħelu jagħdab jew jitħawwad, igħix ħajja tassew tajba u bla ma għandu xejn li hu tiegħu. U ħieni hu dak li ma jżomm xejn għalih innifsu, imma jagħti lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.

Nirrifletti ….
Inħoss nieket għal dak li jagħmel il-ħażin, b’tama li jerġa’ lura fit-triq it-tajba, jew iżjed faċli għalija li niġġudikah?

______________________________________
3. Ħenjin ta’ qalbhom ħelwa
“Ħenjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.” Matt. 5, 5


a. Papa San Iljun il-Kbir Il-Beatitudni

Mbagħad il-Mulej jgħid: Ħenjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art. Lil dawk ta’ qalbhom ħelwa, lill-kwieti, lill-umli u lill-irżina f’imġibithom, u ’l dawk kollha li huma dejjem imħejjija biex jistabru b’kull deni, il-Mulej iwegħedhom li jkollhom l-art b’wirt. Wirt bħal dan wieħed ma għandux iqisu li jiswa ftit jew xejn, qisu ma għandu x’jaqsam xejn mas-saltna tas-smewwiet; wieħed jifhem li biss dawk ta’ qalbhom ħelwa jidħlu fis-saltna tas-smewwiet.
L-art imwiegħda lil dawk ta’ qalbhom ħelwa, li tingħata b’wirt lill-umli, hi l-ġisem tal-qaddisin mibdul fil-qawmien ta’ l-imwiet u mżejjen bis-sebħ ta’ l-immortalita’, minħabba l-umilta’ ħienja tagħhom: issa l-ġisem ma jkunx aktar kontra l-ispirtu u jkun jaqbel għal kollox mar-rieda tar-ruħ; il-bniedem ta’ ġewwa jkollu taħt is-setgħa tiegħu l-bniedem ta’ barra bla ebda taħbit u tfixkil.
Dawk ta’ qalbhom tajba jkollhom sliem għal dejjem, u xejn ma jkun jonqoshom minn drittijiethom, meta dan il-ġisem li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir u dan il-ġisem li jmut jilbes l-immortalita’, u dak kollu li kien jhedded lir-ruħ isir premju għaliħa, u dak li kien ta’ piż isirilħa ta’ ġieħ.

b. Mattew 18, 1-5

Resqu d-dixxipli lejn Ġesu’ u staqsewh: “Mela min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwit?” Hu sejjaħ lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir. U kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.

c. Il-Ferħ Perfett Fjuretti Kapitlu 8

Sadanittant laħqu mxew żewġ mili, jitkellmu l-ħin kollu b’dan il-mod, u fra Leone, mgħaġġeb għall-aħħar, staqsieh u qallu: “Missier, nitolbok f’ġieħ Alla, li tgħidli fejn jinsab il-ferħ perfett.”
U San Franġisk tah din it-tweġiba: “Meta naslu Santa Marija ta’ l-Anġli, imxarrbin għasra bix-xita u nġazzati bil-kesħa u kollna tajn u ħama, u mejtin bil-ġuħ, immorru u nħabbtu fuq il-bieb tal-post, u l-purtinar kollu rabja jiġi u jgħidilna: ‘Min intom?’ U aħna ngħidulu: ‘Aħna tnejn minn ħutkom’; u hu jgħidilna: ‘M’intomx tgħidu l-verita’; intom żewġ brikkuni li dduru u tingannaw id-dinja, u tisirqu l-karita’ li jaqilgħu l-foqra; itilqu minn hawn.’
U jibqa’ ma jiftħilniex, u jħallina barra għall-borra u l-ilma, u jkollna ngħaddu l-lejl fil-kesħa u bil-ġuħ. Imbagħad, kemm-il darba aħna jirnexxielna nsofru bis-sabar dawn l-offiżi u dik il-moħqrija u l-imġieba ħażina magħna, mingħajr ma nitħawdu u mingħajr ma noqogħdu nilmintaw kontrih, u naħsbu bl-umilta’ kollha li dak il-purtinar lilna għarafna sewwa min aħna, u li kien Alla li ġiegħlu jitkellem kontra tagħna: o fra Leone, ikteb li hawn jinsab il-ferħ perfett.
U li kellna nibqgħu inħabbtu, u hu joħroġ barra kollu mħawwad, u jkeċċina bi kliem iebes u daqqiet ta’ ħarta bħallikieku konna xi nies li ma aħna tajbin għalxejn ħlief biex indejjqu ’l ħaddieħor, u jgħidilna: ‘Itilquli minn hawn, ħallelin mill-agħar, morru sibu kenn fil-lazzarett, għax hawn la se tieklu, u lanqas torqdu.’ Li kellna nsofru dan kollu bis-sabar u bil-ferħ u nibqgħu bit-tbissima: o fra Leone, ikteb li hawn jinsab il-ferħ perfett.”

d. Twissijiet Kap 19,1 San Franġisk ta’ Assisi

Ħieni l-qaddej li ma jżommx lilu nnifsu aħjar meta n-nies ifaħħruh u jgħolluh, milli meta jżommuh bħala wieħed li ma jiswa għal xejn, ħafif minn moħħu u ta’ min imaqdru; għax il-bniedem jiswa daqskemm jiswa quddiem Alla, u mhux aktar.

Nirrifletti ….
Xi jrid jgħid Gesu’ meta jgħidilna biex insiru bħat-tfal iż-żgħar?

______________________________________

4. Ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja
“Ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.” Matt 5, 6

a. Papa San Iljun il-Kbir Il-Beatitudni


Il-Mulej jgħid: Ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja għax huma jkunu mxebbgħin. Dan m’hux ġuħ tal-ġisem, m’hux għatx ta’ l-art, imma hu xewqa li wieħed jixba’ bil-ġid li jiġi mill-ġustizzja, hu tama li wieħed jimtela bil-Mulej billi jagħraf x’inhuma l-ħwejjeġ kollha mistura.
Ħienja r-ruħ li tixtieq dan l-ikel, li tixxennaq għal xorb bħal dan, ikel u xorb li qatt ma kienet tixtiequ kieku qatt ma daqet il-benna tiegħu. Ir-ruħ meta semgħet kliem il-profeta jgħidilha: Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej, ħadet sehem mill-ħlewwa tas-sema u xegħlet b’imħabba għal din il-benna tas-sema, hekk li warrbet fil-ġenb kull ħaġa tad-dinja, u mtliet b’xewqa kbira li tiekol u tixrob biss il-ġustizzja, ħa tifhem sewwa l-verita’ sħiħa ta’ l-ewwel kmandament, li jgħid: Ħobb il-Mulej Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha, għaliex tħobb ’l Alla m’hux ħaġ’oħra ħlief li tħobb il-ġustizzja.

b. Luqa 16, 19-31

“Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lażżru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda ta’ l-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.
Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lażżru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu, ‘Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lażżru jbil tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar.’
‘Ibni,’ qallu Abraham, ‘ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lażżru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.’
Qallu l-għani, ‘Mela nitolbok, missier, ibgħatu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!’ Qallu Abraham, ‘Għandhom lil Mose’ u l-Profeti; jisimgħu lilhom.’ ‘Le, missier Abraham,’ qallu dak, ‘imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.’ Iżda wieġbu Abraham, ‘Jekk ma jisimgħux lil Mose’ u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.’”

c. Il-Ferħ Perfett Fjuretti Kapitlu 8

“U li kieku aħna, għax mifnijin mill-ġuħ u mill-kesħa u mill-biża’ tal-lejl li dieħel ġmielu, kellna nerġgħu nħabbtu mill-ġdid u ngħajtulu, u nitolbuh għall-imħabba ta’ Alla, bid-dmugħ iġelben minn għajnejna, biex jiftħilna u tal-anqas idaħħalna ġewwa, u dak aktar imgħaddab u mfixkel minn qabel igħid: ‘Dawn huma nies li dejquni u m’huma tajbin għal xejn, u jien se nħallashom kif ħaqqhom.’
U joħroġ barra b’bastun bil-ponot, u jaqbadna mill-kapoċċ u jitfagħna ma’ l-art, u jkebbibna qalb il-borra u jibda jsawwatna bil-ponot ta’ dak il-bastun: li kellna nsofru dan kollu bis-sabar u bil-ferħ, u noqgħodu naħsbu fuq it-tbatijiet li għadda minnhom Kristu l-imbierek, u fuq li aħna għandna nsofru għall-imħabba tiegħu: o fra Leone, ikteb li hawn u f’dan jinsab il-ferħ perfett.”

d. Twissijiet Kap 6 San Franġisk ta’ Assisi

Ħuti, ejjew ilkoll kemm aħna nsammru l-ħarsa tagħna fuq ir-Ragħaj it-tajjeb li sofra l-Passjoni fuq is-salib biex isalva lin-ngħaġ tiegħu! In-ngħaġ tal-Mulej imxew warajh fit-taħbit u l-persekuzzjoni, fil-mistħija u l-ġuħ, fil-mard u fit-tiġrib, u f’kull prova oħra; u ta’ dan kollu ħadu bħala premju mingħand il-Mulej il-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk, hu għajb kbir għalina, qaddejja ta’ Alla, li, waqt li kienu l-qaddisin li għamlu l-għemejjel tajba, aħna rridu nieħdu l-glorja u l-ġieħ sempliċement għax noqogħdu nsemmu dak li għamlu huma!

Nirrifletti ….
Kif nista’ nkun jien ukoll bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja?
______________________________________________________________________
5. Ħienja dawk li jħennu
“Ħienja dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.” Matt 5, 7

a. Papa San Iljun il-Kbir Il-Beatitudni


Mbagħad kif ma’ l-imħabba ta’ Alla hemm marbuta l-imħabba tal-proxxmu, hekk max-xewqa tal-ġustizzja hemm marbuta l-ħniena, u għalhekk il-Mulej qal: Ħenjin dawk li jħennu, għax isibu ħniena.
Agħraf, o nisrani, x’dinjita’ għandu għerfek, ara għal liema stħarriġ int mistieden, ifhem għal liema premju int imsejjaħ. Il-ħniena tridek tkun ħanin, u l-ġustizzja ġust, biex il-Ħallieq jara x-xhieda tiegħu f’dak li ħalaq, u x-xbieha ta’ Alla tiddi bħal f’mera fil-qalb tal-bniedem, fil-linji kollha tagħha. Sħiħa hi l-fidi ta’ min jagħmel it-tajjeb, iseħħu xewqatek u tikseb għal dejjem dak li tħobb.

b. Skrittura: Luqa 10,25-37

Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? lnti x’taqra fiha?” U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” “Sewwa weġibt,” qallu Ġesù, “agħmel hekk u tgħix.” Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”
U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal­ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer.

Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il­bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal­lukanda u qallu, ‘Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, inroddielek jien meta nerġa’ ngħaddi.’

Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” “Min ħenn għalih.” wieġbu dak. “Mur,” qallu, Ġesù “u agħmel hekk int ukoll.”

c. Spiritwalità Franġiskana: Il-Ferħ Perfett (Fjuretti Kapitlu 8)

“Izda isma’ l-konklużjoni ta’ kollox, fra Leone. Fuq il-grazzji u d-doni kollha ta’ l-Ispirtu s-Santu li Kristu jagħti lil1-ħbieb tiegħu hemm ir-rebħa fuqna nfusna u li għall­imħabba ta’ Kristu nġarrbu t-tbatijiet, l-inġurji, l-umiljazzjonijiet u d-dwejjaq.
Għax fid-doni l-oħra ta’ Alla kollha kemm huma, aħna ma nistgħux niftaħru, għax m’humiex tagħna imma ta’ Alla, u għalhekk l-appostlu jgħid: X’għandek li ma ngħatalekx? U jekk ingħatalek, il-għala tiftaħar bħallikieku ma ngħatalek xejn? (1 Kor 4,7)
Imma fis-salib tat-tiġrib u tan-niket nistgħu niftaħru, għax l-appostlu jgħid: Ngħid għalija ma jkun qatt li niftaħar jekk mhus bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu (Gal 6,14).

Għat-tifħir ta’ Ġesù Kristu u tal fqajjar Franġisku. Amen.

d. Kitbiet ta’ San Franġisk ta’ Assisi: Twissijiet Kap 18

Ħieni l-bniedem li jistabar bil-proxxmu tiegħu minħabba d-dgħufija tiegħu, bħalma jixtieq li l-proxxrnu tiegħu jistabar bih fl-istess ċirkustanzi. Ħieni l-qaddej li jagħraf irodd lura lill-Mulej Alla dak kollu li hu tiegħu, għax jekk xi ħadd iżomm għalih innifsu xi ħaġa, ma jkunx għajr qed jaħbi l-flus tal-Mulej Alla tiegħu, u jitteħidlu dak li stħajjel li għandu.

Nirrifletti ...
Qed inkun xbieha u xhieda ta’ Alla fil-mod li nġib ruħi ma’ l-oħrajn?
______________________________________________________________________
6. Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom
“Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.” Matt 5, 8


a. Papa San lljun il-Kbir: Il-Beatitudni

Bil-karità li tagħti kollox ikunlek safi, għalhekk malajr tgħaddi għall-hena l-ieħor li jwiegħed il-Mulej meta jgħid: Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla. Hena kbir tassew, għeżież, jekk hemm,premju bħal dan imħejji għalih. X’inhu tkun safi f’qalbek, jekk mhux tħabrek biex ikollok il-kwalitajiet tajba li għadna kemm semmejna? Liema moħħ jista jfisser x’hena hi li tara ‘l Alla?
U dan għad iseħħ meta n-natura tagħna tinbidel u aħna ma narawx aktar bħallikieku f’mera, imċajpar, imma wiċċ imbwiċċ, naraw l-istess Alla, li ebda bniedem ma jista’ jarah; bil-ferħ bla qjies tad-dehra ta’ Alla għal dejjem niksbu dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem.

Bir-raġun kollu l-Mulej wiegħed id-dehra ta’ Alla lil dawk li huma safja f’qalbhom. L-għajn imniġġsa ma tistax tara d-dija tad-dawl veru, u dak li jgħaxxaq l­għajn safja hu ta’ ħsara għall-għajn imniġġsa. Ha nitbiegħdu mela mid-dlamijiet tal­frugħa tad-dinja li nsaffu l-għajnejn ta’ ruħna minn kull tidnis tal-ħażen, biex il-ħarsa safja ta’ ruħna titpaxxa bid-dehra ta’ Alla.

b. Skrittura: Mattew 25, 3l-40

“Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu li bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-ngħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.

Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.

“Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik? Meta rajnik barrani u lqajnik, jew għeri u libbisnik? Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejjna nżuruk?’

U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wiehed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’”

c. Spiritwalità Franġiskana: Il-Ferħ Perfett (Fjuretti Kapitlu 19)

Darba, meta San, Franġisk kien marid sew f’għajnejh, is-sinjur Ugolino, il­kandinal protettur ta’ l-Ordni, li kien iġibu u jħobbu ħafna, kitiblu biex jgħidlu jmur għandu Rieti, għax hemm kien hemm tobba ta’ l-għajnejn mill-aħjar. Meta San Franġisk ħa l-ittra tal-kardinal mar l-ewwel San Damjan, fejn kien hemm Klara, l-għarusa l-aktar qaddisa ta’ Kristu; qabel imur għand il-kardinal ried l-ewwel ifarraġ lilha.
Waqt li san Franġisk kien hemm, il-lejl ta’ wara, l-qagħda ta’ għajnejh marret tant għall-agħar, hekk li lanqas seta jara d-dawl. Billi ma setax jitlaq minn hemm, Santa Klara għamlitlu kamra żgħira tal-qasab biex fiha jku jista jistrieħ aħjar. Imma San Franġisk, bejn minħabba l-uġigħ, tal-mard u bejn minħabba l-qtajja kbar ta’ ġrieden li bdew idejquh ħafua; b’ebda mod ma seta’ jsib mistrieħ, la binhar u lanqas bill-ejl. Dam isofri ħafna l-uġigħ u t-tiġrib, hekk li beda jaħseb u jikkonvinċi ruħu li kien kastig għal dnubiet u mibgħut minn Alla; beda għalhekk irodd ħajr lil Alla bil-qalb kollha u bil­fomm ukoll.

d. Kitbiet ta’ San Franġisk ta’ Assisi: Twissijiet Kap 16

Ħienja dawk li huma sajja f’qalbhom, għax hmna jaraw lil Alla. Huma tassew safja f’qalbhom dawk li jmaqdru l-ħwejjeġ tad-dinja u jfittxu dawk tas-sema, u qatt ma jieqfu jaduraw u jikkontemplaw il-Mulej Alla, ħaj u veru, b’qalb nadifa u ruħ safja.

Nirrifletti ....

X’inhi l-attitudni tiegħi lejn Alla fi żmien ta’ tbatija? Attitudni ta’ qtiegħ il-qalb, ta’ rabbja, ta’ disperazzjoni, ta’ tifħir u ringrazzjament?

______________________________________________________________________
7. Ħenjin dawk li jġibu l-paċi
“Henjin ddawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wliedAlla.” Matt 5, 9

Papa San lljun il-Kbir: Il-Beatitudni


Biex niksbu dan, jidhirli, il-Mulej jgħidilna: Ħenjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Dan l-hena, għeżież tiegħi, ma jingħatax għal kull sura ta’ qbil jew għal kull xorta ta’ ftehim, iżda biss għal dak li fuqu jitkellem l-Appostlu meta jgħid: Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek, ma hemm ebda tfixkil għalihom.

Sliem bħal dan ma jgawduhx la żewġt iħbieb marbutin,bejniethom b’rabta li ma bħalha ta’ mħabba u lanqas isibuh dawk li jaqblu bejniethom b’mod tassew ta’ l-għageb fil-fehmiet kollha tagħhom, jekk ma għandhomx rabta sħiħa mar-rieda ta’ Alla. Huma tassew ’il bogħod mill-hena ta’ dan is-sliem kemm il-qbil fix-xewqat ħżiena, kemm il­pattijiet ħa jsiru xi ħwejjeġ ta’ għajb, u kemm il-ftehim għal xi ħaġa ħażina.

Dawk kollha li huma dejjem ma’ Alla fi ħsibijiethom u jħabirku biex iżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem, qatt ma huma sejrin isibu ruħhom f’qagħda kontra l-liġi ta’ Alla, għax huma bla heda jgħidu: Ikun dak li trid int kif fis-sema hekkda fl-art.

Dawn huma dawk li jġibu l-paċi: huma fehma waħda bejniethom, jaqblu f’kollox fis-sewwa, u għallhekk jibqgħu jissejjħu għal dejjem ulied Alla u werrieta ma’ Kristu.

b. Skrittura: Mattew 5, 13-16

“Intom il-melħ ta’ l-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-modd, iżda fuq l-imnara, li hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”

c. Ħajja ta’ San Franġisk: Il-Ferħ Perfett (Fjuretti Kapitlu 19)

Imbagħad San Franġisk għajjat b’lehen għoli u qal: “Mulej Alla tiegħi jien jistħoqqli dan kollu u ħafna agħar minn hekk ukoll. Mulej tiegħi Ġesù Kristu, ragħaj tajjeb, li wrejt il-ħniena tiegħek magħna midinbin f’ħafna uġigħ u tbatijiet tal-ġisem: agħti lili, ħarufa ċkejkna tiegħek, il-grazzja u l-qawwa biex ebda mard jew uġigħ jew sofferenza ma jifirduni qatt minnek.”

Meta temm igħid din it-talba, sema’ leħen mis-sema jgħidlu: “Franġisku, weġibni. Li kieku l-art kollha kienet tad-deheb, u l-ibħra kollha, u l-għejun u x-xmajjar kienu balzmu, u l-muntanji ti l-għoljiet u l-ġebel kienu kollha ħaġar prezzjuż, u sadanittant int kellek issib teżor aqwa minn dawn il-ħwejjeġ kollha, bħalma d-deheb hu aqwa mit-trab ta’ l-art, li l-balzmu aqwa mill-ilma, u l-ħaġar prezzjuż aqwa mill-muntanji u l-ġebel, u kellu jkun mogħti lilek bħala ħlas għal din il-mard tiegħek dak it-teżor aqwa, ma kienx imissek tkun iktar ħieni u tassew ferħan?”

Wieġeb San Franġisk : “Sinjur, jiena ma jisthoqqlix teżor bħal dan.” U l-leħen ta’ Alla qallu: “Ifraħ, Franġisku, għax dak it-teżor hu l-ħajja ta’ dejjem, li jien qed inżomm għalik, u a minn issa stessnagħnik biha; u din il-marda u dan l-uġigħ huma rahan ta’ dak it-teżor ħieni.”

d. Kitbiet ta’ San Franġisk ta’ Assisi: Twissijiet Kap 15

Ħenjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu ulied Alla. Iġibu tabilħaqq il­paċi dakw li, jbatu xi jbatu, f’din id-dinja għall-imħabba tal-Mulej tagħna, Ġesù Kristu, jibqgħu jżommu l-paċi f’ruħhom u f’ġisimhom.

Nirrifletti ....

It-talba tiegħi hi wkoll Ikun li trid Int ?

______________________________________________________________________
8. Ħenjin dawk li huma ppersegwitati
“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija Salna tas-Smewwiet.” Matt 5, l0

San Bruno, saċerdot

Wieħed ikollu għal qalbu li jasal għall-hena ta’ dejjem meta jkun għadu għaddej minn wied niexef, jiħijieri meta jgħix f’din id-dinja, fejn il-ħajja hi tassew imsejkna u mimlija dmugħ u niket jekk tqabbilha mal-ħajja l-oħra li għad trid tigi; meta wieħed iqabbel il-ħajja ta’ dejjem ma’ din il-ħajja fid-dinja għandu jqisha mill-ewwel li hi tassew xi ħaġa għalja u kollha hena.

Għax is-salmista qal: Ħenjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom, wieħed jista’ jistaqsi: F’ħaġa bħal din, Alla jagħti l-għajnuna? Għal din il-mistoqsija nwieġbu: Iva, Alla jagħti l-għajnuna tiegħu lill-ħenjin; għaliex min għamel il-liġi, jiġifieri Kristu li tana l-liġi tiegħu, jagħti u jibqa’ jagħti bla heda l-barkiet tiegħu, jiġifieri kotra bla qjies ta’ grazzji, li bihom ibierek lil dawk li huma tiegħu.

Hu jwassalhom għall-hena ta’ dejjem, u permezz ta’ dawn il-barkiet dejjem jimxu aktar ’il quddiem sa ma jaslu biex fil-ġejjieni jaraw f’Sijon tas-sema lil Kristu, Alla ta’ l­allat, jaraw lil dak li, għax Alla, jagħmel allat lil dawk li huma tiegħu.

b. Skrittura: Mattew 10, l6-20,22,24-25

“Ara, jien qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem. Oqogħdu attenti mill-bnedmin! Għax għad jerħukom f’idejn il-qrati, jagħtukom is-swat fis-sinagogi tagħhom, itellugħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom li quddiem il-pagani.

Iżda meta jerħukom f’idejhom tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x’se tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu. Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom. U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma min jibqa’ jżomm sħiħ sa l­aħħar, dan isalva.

Ma hemmx dixxiplu aqwa mill-imgħallem, anqas ilsir aqwa minn sidu. Biżżejjed għad-dixxiplu jekk joħroġ jixbaħ lill-imgħallem tiegħu u l-ilsir lil sidu. Jekk lil sid id-dar tawh il-laqam ta’ Begħelżebul, kemm aktar lin-nies ta’ daru!”

c. Ħajja ta’ San Franġisk: Il-Ferħ Perfett (Fjuretti Kapitlu 24)

San Franġisk bagħat lil dawk l-aħwa li kien għażel biex tnejn tnejn, imorru jxandru l-fidi ta’ Kristu f’ħafna inħawi fejn kienu jgħixu s-Seraċini. Hu wkoll, flimkien ma’ wieħed minn sħabu, għażel post, u meta wasal hemm daħal f’lukanda għal ftit mistrieħ.

U hemm kien hemm mara, sabiħa ħafna f’ġisimha, imma maħmuġa f’ruħha. Din il-mara misħuta lil San ranġisk talbitu biex jagħmel id-dnub magħha. U qalilha San Franġisk: “Tajjeb, naċċetta; ejja mmorru flimkien fis-sodda”, u hi ħaditu f’kamritha. U qal San Franġisk: “Ejja miegħi, u jien nieħdok ħdejn sodda tassew sabiħa.” U ħadha lejn nar kbir li kien hemm jaqbad f’dik id-dar.

Imqanqal minn ħeġġa fl-ispirtu tiegħu, nea’ għarwien u nxteżħet fin-nar iħeġġeġ, u beda jistedinha tinża’ u tmur timtedd miegħu fuq dik is-sodda hekk komda u sabiħa. U San Franġisk dam wieqaf hemm għal ħafna ħin, b’wiċċu ħieni, bla ma nħaraq imkien jew ixxawwat bin-nhar.

Meta rat dan il-miraklu dik il-mara beżgħet ħafna u ħasset l-indiema f’qalbha. U mhux biss nidmet mid-dnub u mill-fehmiet ħżiena ta’ qalbha, imma wkoll ikkonvertiet b’mod perfett għall-fidi ta’ Kristu, u saret mara ta’ qdusija hekk kbira li, minħabba fiha, kienu ħafna l-erwieħ li salvaw f’dawk l-inħawi.

d. Kitbiet ta’ San Franġisk ta’ Assisi: Twissijiet Kap 3,8

Jekk xi darba s-superjur jikkmanda lis-sudditu xi ħaġa li tmur kontra l-kuxjenza tiegħu, għad li m’għandux jobdih, b’danakollu m’għandux jinfired minnu. U jekk minħabba f’dan kollu jsofri persekuzzjoni minn xi wħud, ħa juri lejhom imħabba akbar f’ġieħ Alla. Tabilħaqq, min aktar jippreferi li jsofri l-persekuzzjoni milli jinfired minn ħutu, dan ikun qiegħed tabilħaqq fl-ubbidjenza perfetta, għax ikun qed jagħti ħajtu għal ħutu.

Nirrifletti ....

Qed ngħix xi tip ta’ persekuzzjoni f’ħajti?

______________________________________________________________________
9. Ħenjin intom
“Ħenjin intom, meta jgħajjrukhom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen
u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew!”, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk, kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom.” Matt 5,11-12

Santu Wistin


“Ibni jekk trid tersaq lejn il-Mulej ħejji ruħek għat-tiġrib.” Min jgħid dan il-kliem ifarraġ lid-dgħajjef u jqawwih, hekk li dak li jkun emmen ma xxennaqx għall-ġid tad-dinja. Għax jekk ikun tgħallem iqiegħed it-tama tiegħu fil-ġid tad-dinja, din ix­xewqa tħassarlu qalbu li fil-waqt tat-tiġrib jindarab u għandu mnejn ukoll jinbaram.

Ma jkunx għalhekk qiegħed iwaqqfu fuq il-blat min irawwmu hekk, imma jkun iqiegħdu fuq ir-ramel. U l-blata kienet Kristu. L-insara huma msejjħin biex jixbħu lil Kristu fi tbatijietu, mhux biex jiġġerrew wara x-xenqiet tad-dinja. Id-dgħajjef jikseb il­faraġ meta jsib min jgħidlu: “Stenna t-tiġrib tad-dinja imma l-Mulej joħorġok ħieles mit­tiġrib kollu, kemmil darba qalbek ma titbigħedx minnu. Għax biex ifarraġ il-qalb tiegħek huwa ġie ħalli jbati u jmut, ġie ħalli jobżqulu u jdawwrulu rasu bix-xewk, ġie ħalli jisma’ t-tgħajjir u fl-ahhar jissammar mas-salib. Dan kollu huwa garrbu għalik, u int ma ġarrabt xejn. Mhux għalih innifsu bata, imma għalik.”

b. Skrittura: Mattew 7, 2l-27

“Mhux kull min jgħidli: ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-Smewwiet! F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, ‘Mulej, Mulej, m’hux f’ismek ħabbarna aħna, u mhux f’ismek keċċejna x­xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’ Mbagħad jien ngħidilhom, ‘Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!’

Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbaħ lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblaħ li bena daru fuq ir-ramel. Niżlet ix-xita, ġew il-wiedien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!”

c. Ħajja ta’ San Franġisk: Il-Ferħ Perfett (Fjuretti Kapitlu 23)

Darba minnhom, huwa u jitlob fil-post tal-Porzjunkola, San Franġisk kellu rivelazzjoni divina u ra li dan l-imkien kien imdawwar u assedjat mid-demonji bħallikieu minn eżerċtu kbir. Imma ħadd minnhom ma seta’ jidħol fil-post, għax l-aħwa li kienu jgħixu fih kienu kollha ta’ qdusija kbira, hekk li d-demonji ma kienux jistgħu jidħlu ġewwa.

Komplew hekk, iżda jum minnhom, wieħed minn dawek l-.aħwa kellu xi jgħid sewwa ma’ ieħor, u qagħad jaħseb f’qalbu dwar kif seta’ jakkuah u jivvendika ruħu minnu. Minħabba f’hekk, billi dak baqa’ l-ħin kollu mehdi b’dan il-ħsieb ħażin, id-demonju, issa li sab il-bieb miftuħ, daħal fil-post, u ntefa’ fuq għonq dak il-patri.

Meta r-ragħaj, kollu ħniena u ħerqa għan-nagħaġ tiegħu li fuqhom kien jisher bla heda, ra li daħal il-lupu biex jibla’ n-nagħġa ċkejkna tiegħu, bgħat isejjaħ lil dak il-patri biex imur għandu, u ikkmandah biex dak il-ħin stess ineħħi minnu l-velenu tal-mibgħeda li kien nissel fih kontra l-proxxmu, u li minħabba fih hu kien f’idejn il-għadu tiegħu.

Dak beża’ ħafna, għax ra li l-missier qaddis kien fehem kollox, u talab bl-umiltà kollha l-penitenza flimkien mal-ħniena. Wara li għamel dan, u rċieva l-maħfra ta’ dnubu u l-penitenza, dak il-ħin stess, fil-preżenza ta’ San Franġisk, id-demonju telaq minn hemm. U dak il-patri, meħlus b’dan il-mod mill-bhima qalila, għat-tjubija tar-ragħaj it­tajjeb, iżża ħajr lil Alla. Hu għaraf jidhol lura fil-merħla tar-ragħaj qaddis, imwiddeb u mgħallem sewwa, u mbagħad kompla jgħix fi qdusija kbira.

d. Kitbiet ta’ San Franġisk ta’ Assisi: Twissijiet Kap 5, 7

Li kieku int kont l-aktar wieħed sabiħ u l-aktar wieħed għani, jew li kont tagħmel ħwejjeġ hekk tal-għaġeb li tħarrab saħansitra d-demonji, dawn il-ħwejjeġ kollha kienu jkunu għalik ta’ ħsara, u xorta waħda xejn m’hu tiegħek, u f’ebda ħaġa minn dawn kollha “ma tista’ tiftaħar. B’ħaġa wahda biss, iva, nistgħu niftaħru: b’dak li hu dgħajjef fina, u li nġorru kuljum is-salib tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.

Papa San Ljun il-Kbir: Il-Beatitudni

Dawk li għandhom l-imħabba ta’ Alla u ta’ għajrhom jistħoqqilhom għalhekk li ma jarawx aktar tiġrib u ma jibżgħux aktar mit-tfixkil imma, wara li jkun għadda t-tiġrib kollu, jistrieħu fi sliem ta’ hena bla qjies, is-sliem ta’ Alla, bi Kristu Sidna, li jgħix ti jsaltan mal-Missier u ma’ l-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

TMIEM

PROGRAMM TA' FORMAZZJONI CIOFS GĦAĊ-ĊELEBRAZZJONI TA’ TAT-800 ANNIVERSARJU MIT-TWELID TA’ SANTA ELIŻABETTA

IL-ĦAJJA TA’ SANTA ELIŻABETTA

1. IL-FAMILJA T T-TWELID TA’ SANTA ELIŻABETTA

Kull qaddis jitwieled minn familja u kultura partikulari, u dawn il-kulturi differenti li fihom insibu dawn il-ħajjiet qaddisa jgħinuna nsaħħu u nkabbru l-għarfien tagħna tal-Vanġelu universali.

L-istorja umana ta’ Santa Eliżabetta benet parti mill-ħajja qaddisa tagħha. Hi kienet minn nisel Ungeriż, fl-Ewropa tal-Lvant, bint ir-Re Indri II ta’ l-Ungerija. Hi twieldet fl-1207, kważi mitejn sena wara li l-antenati tagħha kienu aċċettaw il- Kristjanità. Wieħed minn dawn l-antenati kien ir-Re Stiefnu l-I, l-ewwel re Kristjan ta’ l-Ungerija (975-1038), li wara kien ġie dikjarat qaddis. Ibnu Emerik, (1007­1031) ukoll kien meqjus bħala qaddis.

Eliżabetta kienet ukoll minn nisel Germaniż: ommha kienet Gertrude ta’ Andechs-Meran; oħt ommha (zijitha) kienet Hedwig (1174-1243), li kienet iżżewget lil Enriku, Duka ta’ Silesia, kienet ukoll qaddisa. Minn dan naraw kemm kellha antenati qaddisin Eliżabetta u għaldaqstant kellha lil min tixbaħ.

Meta kien għad kellha erba’ snin, Eliżabetta kellha tħalli l-familja tagħha għax ġiet imwiegħda li tiżżewweġ lil Ludwig IV, li ’l quddiem kellu jkun il-Landgraf ta’ Thuringia. Dan kien għad kellu ħdax il-sena. Magħha marru wkoll, biex jakkompanjawha u f1-istess ħin jibqgħu jfakkruha fid-drawwiet u l-obbligi religjużi tagħha, żewġ qassisin, Farkasius u David.

Il-glorja ta’ Eliżabetta bħala mara qaddisa bdiet malli telqet mid-dar lejn Thuringia, fejn kellha tibqa’ mfakkra għax-xogħol li kienet tagħmel mal-foqra u batuti, u fejn irnexxielha tilħaq il-qdusija mar-raġel li Alla kien għażel għaliha, Iżda hi qatt ma nsiet l-oriġini tal-familja tagħha, u marret lura żżur l­Ungerija ftit wara li żżewġet. Hekk kif miet ir-raġel tagħha, minflok ma rritornat għand il-ġenituri tagħha, hi għażlet li tibqa’ tgħix f’dak il-pajjiż ġdid fejn kellha twettaq u ttemm dik l-għamla ta’ ħajja li benet bdiet mal-foqra.

RIFLESSIONI SPIRITWALI

Il-wegħdiet li kien għamel Alla ma’ l-Israeliti, ingħataw minn kultura umana u mill-antenati. Abraham kien ħalla art twelidu biex iwettaq il-pjan li Alla kien ħejja għalih. U talli obda, Alla għamillu din il-wegħda: “U jien nagħmlek ġens kbir, imbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka.” (Ġenesi 12,2)

Anke Eliżabetta kellha esperjenza simili, u ħajjitha saret ukoll barka għal ġenerazzjonijiet li kellhom jiġu warajha.

VANĠELU

“Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu; bħalma wiegħed lil missirijietna, b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.” (Luqa 1,54-55)


2. IT-TFULIJA TA’ SANTA ELIŻABETTA MAN-NOBBILTÀ TA’ THURINGIA

Eliżabetta trabbiet fil-kastell ta’ Wartburg, li kien mibni fuq għolja tħares lejn il-belt ta’ Eisenach. Hi kienet intbgħatet hemm biex tidra l-ħajja rjali flimkien mal-futur raġel tagħha Ludwig, ħutu subien u oħtu. F’dawk iż-żminijiet il-familja ta’ Ludwig kienet waħda mill­aktar sinjura u rispettata, u n-nobbiltà tagħha kienet fost l-aqwa fl-Ewropa u magħrufa mad­dinja kollha.

Iżda sa minn ċkunita, Eliżabetta kienet konxja min Alla u nġibdet b’imħabba kbira lejH. Kienet affaxxinat ruħha bil-kappella li kien hemm fil-kastell u kienet issib kull skuża, anke waqt li kienet tkun qed tilgħab, biex tmur fil-kappella u tinżel għarkobbtejha quddiem il-kurċifiss.

Minkejja li trabbiet fil-lussu u r-rikkezzi, xorta waħda għarfet id-doveri tagħha lejn i1-proxxmu. Meta kienet tirbaħ xi ħaġa waqt il-logħob, kienet tmur u taqsamha ma’ xi tfal oħra li kienu fqar. L-imħabba lejn Alla kienet dejjem tikber fiha u din wasslitha biex tagħmel sagrifiċċju għaliH. Kemm il-darba kienet titlaq mill-logħob jew miż-żfin u tmur tagħti l-kumplament tal-ħin tagħha ’l Alla. Bħala sagrifiċċju, hi ma baqgħetx tilbes dak l-ilbies sabiħ u fin. Sa miċ-ċokon tagħha, hija bdiet dak il-proċess ta’ konverżjoni u penitenza, li huma s-sisien u l-qalba tal­Kristjanità u vokazzjoni Franġiskana.

RIFLESSJONI

Il-pedament tal-futur ta’ ħajjitna jitqiegħed fit-tfulitna u fiż-żgħożijja tagħna. L-istess il­qdusija, din tibda meta nkunu tfal, għax meta nitgħallmu ngħatu lilna nfusna ’l Alla, dan ikun il-bidu ta’ proċess li jtul għal ħajjitna kollha. Kif jgħid tajjeb l-Appostlu Missierna San Pawl lir-Rumani (12, 1): “Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. Timxux max-xejra ta’ din id­dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.” Matul ħajjitha, Eliżabetta dejjem fittxet li tagħti lilha nnifisha ’l Alla b’dan il-mod.

VANĠELU

“Kull min jiġi għandi u jisma’ kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min jixbaħ. Jixbaħ lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqhu qiegħed is-sisien. Mbagħad għamlet xita bil-qliel, il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax jheżhiżha, għax kienet mibnija tajjeb.” (Luqa 6,47-48).


3. IL-ĦAJJA MIŻŻEWĠA TA’ SANTA ELIŻABETTA

Eliżabetta fehmet li ż-żwieġ ma kienx sempliċement xi ħaġa li twassal għall-ferħan jew biex tilħaq xi milja fil-ħajja personali, iżda vokazzjoni, serja daqs li kieku xi vokazzjoni religjuża u fl-istess waqt mezz li bih kienet imsejjħa biex tilħaq il-qdusija tagħha.

L-imħabba tagħna lejn dawk li jkunu qed jgħixu madwarna, hi l-għeruq tal-għarfien tagħna għall-imħabba ġenerali u kif aħna rridu nħobbu ’l Alla. Din hija l-verità dwar l-imħabba tal­miżżewġin, u kif il-Konċilju Vatikan II jgħidilna: “Din l-imħabba li ġejja mill-għajn ta’ l-imħabba divina,” jiġifieri, għandha l-oriġini tagħha minn Alla; u jkompli jgħid il-Konċilju: “l-imħabba vera bejn il-miżżewġin tingħaqad ma’ l-imħabba ta’ Alla u hija msaħħa u mogħnija bil-qawwa feddejja ta’ Kristu” (Gaudium Et Spes, Nu 48).

Ma tantx ingħatat attenzjoni għall-ħajja miżżewġa tal-qaddisin; fil-fatt, Eliżabetta hi waħda mill-ftit qaddisin miżżewġa sa ftit snin ilu. Iż-żwieġ tagħha ma’ Ludwig IV ta’ Thuringia kier wieħed feliċi u kif għandu jkun. Hija għexet ħajjitha f’dan is-sagrament bħala mezz biex tħobb aktar ’l Alla. Skond Isentrude, li kienet waħda mill-aktar ħbieb viċin tagħha għax kienet id-dama li takkompanjha kull fejn kienet tmur, qalet li Eliżabetta u żewġha għexu s-sagrament b’mod ta’ min ifaħħru. Huma kienu jħobbu lil xulxin b’affezzjoni sabiħa, u kienu jqawwu u jgħinu lil xulxin fit-tifħir u s-servizz lejn Alla.

Huma kienu qaddisin mhux għax ma kellhomx problemi, imma għax għarfu jgħelbuhom Huma għexu f’atmosfera immorali kbira u fost ħafna tentazzjonijiet, li l-kittieba ta’ dawk iż żminijiet stqarrew b’mod apert. Però bħala koppja miżżewġa, huma kienu lesti li jevitaw dawk in-nases. L-irġiel ta’ madwar Ludwig kienu jiskantaw u jistqarru miegħu kif kien jirnexxilu jibqa’ fidil lejn martu. Hu kien iwieġeb: “Issemmuli qatt affarijiet bħal dawn. Jien għandi mara, u marbut magħha li nibqa fidil lejha.” Eliżabetta wkoll kellha tħabbat wiċċha ma’ perjodi twal ta’ separazzjoni minn ma’ żewġha, li kellu jivjaġġa spiss il-bogħod f’isem l-imperatur. Kull meta kien ikun fuq xogħol, hi kienet tirtira mill-ħajja rjali, minn dawk il-festi u xxalar biex tgħaddi aktar ħin fit-talb u b’hekk titbiegħed mid-distrazzjonijiet u tentazzjonijiet.

L-istess bħal kull mara miżżewġa, Eliżabetta kellha tibbilanċja x-xogħol ma’ l-attenzjoni ta’ uliedha, lejn ir-raġel tagħha, kif ukoll d-doveri tagħha lejn Alla.

Eliżabetta kienet konxja bl-inġustizzji li kienu jsiru b’dik il-ħajja ta’ lussu li kienet teżisti. Ix­xewqa tagħha għal ħajja aktar sempliċi, xi kull tant kienet tissarraf f’konflitti ma’ l-imħabba lejn żewġha. L-uffiċjali ta’ Ludwig kienu jeżortaw u jimplimentaw taxxi nġusti mal-poplu. Eliżabetta, minħabba l-kuxjenza li kellha, ma kienitx tiekol minn dak l-ikel li kien jiġi minn qliegħ qarrieqi u b’hekk kienet takkuża b’mod indirett dawk l-inġustizzji li kienu jsiru. Ludwig kien jirrispetta dik id-deċiżjoni tal-mara tiegħu u anke jissapportjaha, u kien iwiegħed li jirranġa dawk l-affarijiet malajr kemm jista’ jkun.

Eliżabetta għexet imħabbitha lejn il-familja bl-istess mod għall-imħabba lejn Alla, billi kemm hi kif ukoll ir-raġel tagħha baqgħu jipprattikaw il-fedeltà fiż-żwieġ, ir-rispett li kienu juru lejn xulxin, id-devozzjoni li kellhom għall-fidi u għax-xogħol ta’ kuljum. Huma t-tnejn kienu jpoġġu ’l Alla bħala ċ-ċentru tal-ħajja tagħhom. Huma jgħallmuna kif nistgħu aħna wkoll ngħixu din l-imħabba.

HUMA WETTQU KLIEM SAN PAWL:

“L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tagħmilx dak li mhux xieraq, ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil­verità, kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt” (l Kor. 13,4-8).

4. SANTA ELIŻABETTA BĦALA OMM

Eliżabetta u r-raġel tagħha kellhom tliet it-tfal: Hermann, li kien l-eredi biex jiggverna Thuringia wara missieru, li però miet ftit wara li beda jirrenja fl-eta’ ta’ tmintax il-sena. It-tieni wild kienet Sophia, li żżewget lil Enriku, Duka ta’ Brabant. It-tielet kienet Gertrude li twieldet ftit wara li miet Ludwig, missierha. Minn qabel ma twieldet, il-ġenituri tagħha kienu ddeċidew li titrabba f’monasteru ta’ l-Oblati sabiex tingħata kollha kemm hi ’l Alla. Meta kibret bdiet tmexxi hi l-monasteru ta’ Altenberg u baqgħet meqjuma bħala qaddisa.

Eliżabetta kienet taf u emmnet li l-ulied huma rigal minn Alla, frott tal-ġuf li huwa rigal. F’dawk iż-żminijiet, id-drawwa ta’ l-Insara kienet li jieħdu t-trabi l-knisja erbgħin jum wara li jitwieldu għar-rit tal-purifikazzjoni u tberik, biex ifakkru l-vjaġġ li għamlu Maria, Gużeppi u ċ-ċkejken Ġesù lejn it-tempju f’Ġerusalemm wara li twieled. Eliżabetta wkoll għamlet hekk u marret fil-knisja ta’ Eisenach, ħafja, liebsa ħwejjeġ sempliċi u ġġorr it-tarbija tagħha f’idejha biex toffri l-frott tal-ġuf tagħha ’l Alla u b’hekk imitat lil Maria. Hemm ukoll hi ftakret f’dak il-kliem li qal Xmun fit-tempju: “U inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek!” (Luqa 2,35). Hi kienet taf li t-tfal jaf jagħtu ferħ kif ukoll tbatija u sagrifiċċju.

Kellha wkoll tgħaddi minn esperjenza ta’ ansjetà u swied il-qalb minħabba wliedha; wara li sfat imkeċċija mill-kastell tagħha, hi sofriet minn qtigħ il-qalb meta ma kienitx taf fejn tmur toqgħod jew kif kienet sa titma’ ’l uliedha u finalment ġiet sfurzata titbiegħed minnhom sabiex setgħu ikollhom x’jieklu u jitrabbew b’saħħithom. Uliedha kienu wieħed mill-akbar sagrifiċċji li hija għamlet għal Alla.

Eliżabetta riedet li wliedha jikbru fl-imħabba t’Alla u jtuh l-ewwel post f’ħajjithom. Hi kienet stqarret li kienet tippreferi li binha jilhaq saċerdot fqir Franġiskan milli jsir imperatur. Qatt ma kellha xi prużunzjoni jew kburija b’uliedha għax kienu wlied in-nobbli u setgħu wkoll jilħqu xi rjus kbar, iżda kienet biss tagħti każ ta’ ruħhom.

SKRITTURA

“Hobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b ‘qalbek kollha, b ‘runek kollha u b ‘sanntek kollha. Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom ZiI uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.” (Dewteronomju 6: 5-7)

5. SANTA ELIŻABETTA TILTAQA’ MAL-PATRIJIET FRANĠISKANI

Ix-xewqa ta’ Eliżabetta biex tgħaddi ħajja aktar devota kompliet tikber dejjem fiha. Kienet irċeviet rigal li kien jikkorrispondi max-xewqat tagħha meta bejn l-1223 u 1224 kienu waslu l-ewwel missjunarji Franġiskani go Eisenach. F’dak iż-żmien Eliżabetta kellha madwar it-tmintax il-sena. Hi tat permess lil dawn is-saċerdoti biex jużaw knisja ġo Eisenach u tant saret devota lejhom illi hi stess nisġet tonka tas-suf għalihom it-tnejn.

Minn dak kollu li tgħallmet dwar il-ħajja ta’ San Franġisk u x-xogħol ta’ dawk il-patrijiet li kienu jmorru jduru ħafjin u jittallbu mad-dinja kollha, wisq probabbli ħalla mpatt enormi fuqha, għax meta kienet tkun mad-dami li kienu jikkumpanjawha, hi kienet tgeżwer magħha biċċa drapp diżutli u biċċa oħra ma’ rasha u tgħid: “Hekk nibda nmur nimxi meta nmur nittallab u nuri ruħi li ninsab fil-miżerja għall-imħabba t’Alla.” Din kienet aktar minn xewqa: biex twettaqha f’dak il-mument kien impossibbli minħabba li kellha l-familja tagħha. Wieħed minn dawk il-patrijiet Franġiskani, Patri Rodeger, sar id-direttur spiritwali ta’ Eliżabetta. Hu ħeġġiġha biex tippriserva l-kastita’, l-umilta’ u l-paċenzja, u sabiex tisgħar fit-talb u twettaq għemejjel ta’ ħniena.

Forsi dawn il-patrijiet kienu jafu dwar il-Fraternitajiet Penitenzjali li kien hemm fl-Italja u kienu midħla tal­Memoriale Propositi (l-ewwel Regola ta’ San Franġisk għat-Terzjarji), kif ukoll l-ewwel ittra ta’ San Franġisk lill-aħwa tal­penitenza. Aħna ma nafhux jekk Eliżabetta osservatx jew le din ir-regola; li huwa ċert iżda, hu li aktar tard hi pprofessat bħala Penitenti. Jista’ jkun li osservat ir-regola b’mod informali. Pero’ żgur li fil-qigħ nett ta’ qalbha kien hemm dik l-istess imħabba li San Franġisk kellu għall-umiltà u l-faqar.

RIFLESSIONI SPIRITWALI

Li nagħarfu li l-vokazzjoni tagħna u t-triq li rridu ngħaddu minnha huwa proċess tul ħajjitna kollha. Ħafna drabi, meta niltaqgħu ma’ persuni li jkunu qed jgħixu xi vokazzjoni, jgħinna ħafna. Meta ltaqgħet mal-Patrijiet Franġiskani, Eliżabetta saret taf bil-ħajja u t-tagħlim ta’ San Franġisk u li għenha tagħraf il-mixja tagħha f’ħajjitha. Minn hemm ’il quddiem, hi għamlet l-għalmu tagħha kollu biex timxi wara dak it-tagħlim.

Eliżabetta, mhux biss tgħallmet mingħand il-Franġiskani; hi tagħtom l-għajnuna li kellhom bżonn, kemm dik personali kif ukoll fil-ministeru tagħhom. Din it-tip la’ għajnuna u mħabba lejn xulxin għandu jkun ta’ eżempju għalina fir-relazzjoni li jkollna mal-Patrijiet.

VANGELU

“Ħenjin il-foqra fl-ispirlu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (Mt. 5,3).

6. IL-KUXJENZA LI KELLHA U S-SENS TA’ ĠUSTIZZJA

Eliżabetta kienet mgħallma mill-konfessur tagħha, Conrad ta’ Marburg, biex dejjem timxi skond il-kuxjenza tagħha. Dan hi għamlitu meta rrifjutat tiekol dak l-ikel li kien ipprovdut lilhom mill­għelieqi ta’ żewgħa u li kienu ttiehdu b’mod inġust mingħand bdiewa foqra.

Hi kienet taf li l-foqra ma riedhux biss mingħandha l-kompassjoni tagħha, imma ġustizzja wkoll. Dan is-sens ta’ ġustizzja, kellu, aktar il-quddiem iwassalha, wara li tkeċċiet mill-kastell u l-artijiet tar-raġel tagħha, biex tirrifjuta li tkun sostnuta minn ħu żewgħa li kien qed jiggverna Thuringia wara li sfat armla. Skond Irmingard (li kienet id-damiġella tagħha), dan hi għamlitu għax ma rieditx tirċievi l-għejxien tagħha minn fuq dar il-foqra, kif kien dejjem isir f’dawn iż-żminijiet.

Eliżabetta dejjem ippruvat tagħmel ħilitha kollha biex tippreserva d-dinjità tan-nies foqra li kienet tiltaqa’ magħhom. Peress li kienet taf illi ħafna drabi, kull meta kien imut xi ħadd fqir ma kienx jitkeffen, hi kienet tipprovdi drapp fin u xieraq u anke tkeffen il-mejtin foqra hi stess.

Fehmet ukoll li d-dritt tax-xogħol huwa wieħed mill-aktar elementi li jgħolli d-dinjità umana. Meta fis-sena 1226 kien hemm ġuħ kbir f’Thuringia, hi rat li l-foqra mhux biss kienu jiġu mitmuma, imma li jkollhom x’jilbsu u l-għodda xierqa ħalli jkunu jistgħu jaħdmu u jippreparaw għall-prodotti agrikoli tagħhom.

F’dawk iż-żminijiet, kemm in-nisa tqal, kif ukoll it-trabi tagħhom, kienu jkunu mgħedda mill­faqar, kif, wara kollox anke llum naraw f’pajjiżi foqra, speċjalment fl-Afrika. Eliżabetta benet tieħu ħsieb u tara li n-nisa’ tqal ben ikollhom x’jieklu biżżejjed. Mhux hekk biss, imma kienet ukoll tgħinhom finanzjarjament sabiex ikunu jistgħu jmantnu l-familji tagħhom.

RIFLESSJONI SPIRITWALI

Eliżabetta benet tara li kull min kien fqir, marid jew xi persuna emarġinata kien ħolqien t’Alla, kif
ukoll ħu jew oħt Kristu. Minħabba f’hekk, kull persuna umana kienet prezzjuża għaliha. Kull fqir, marid jew ħandikappat, kienet persuna ta’ dinjità unika, inklużi wkoll dawk it-trabi mhux imwielda. Kif jgħid San Ġakbu: “Isimgħu, ħuti egħżież: mhux Alla kien għażel lill-foqra fid-dinja biex jistagħnew fil-fidi u jsiru werrieta tas-Saltna li hu wiegħed lil dawk li jħobbuH? Imma intom lill-fqir inqastuh mill-ġieħ. M’humiex il-għonja li jaħqrukhom?” (Ġakbu 2, 5-6). Hemm bżonn li l-kultura ta’ żminijietna tagħraf tifhem aktar din il-verità.

L-għarfien tad-dinjità umana jġiegħelna naġixxu mhux b’karità u b’kompassjoni għal min hu sfortunat, iżda biex nippreservaw id-drittijiet umani u nisguraw li ssir ġustizzja xierqa ma’ dawn il-persuni. Santa Eliżabetta kienet ta’ eżempju għalina f’dan kollu.

7. SANTA ELIŻABETTA U L-FQAR

Eliżabetta kienet tgħix ta’ sinjura ġo kastell, però xorta waħda kienet tagħti każ ta’ kull ma kien għaddej mis-swar il-barra. Kienet konxja mill-miżerji umani li kienu jeżistu. Hi kienet toħroġ u tiltaqa’ mal-foqra u bis-saħħa t’hekk inbidlet hi!

San Franġisk, fit-testment tiegħu qal li l-bidu tal-konverżjoni tiegħu kien meta ltaqa’ mall-lebbrużi. Fihom huwa ra t-tbatija ta’ Kristu. Eliżabetta wkoll rat lil Kristu fil-lebbrużi u skond leġġenda, darba waħda kienet daħħlet il-wieħed lebbruż fl-istess sodda tagħha u meta żewġha ħares lejn is-sodda, huwa ra ’l Kristu msallab hemm. Eliżabetta kienet iddur bil-lebbrużi billi taħslilhom saqajhom, tikkunslahom u anke tgħinhom finanzjarment.

Fl-1226, meta żewġha mar l-Italja, waqa’ ġuħ kbir fil-Ġermanja. Eliżabetta temgħet il-foqra kollha billi qasmitilhom il-qamħ li kien hemm merfugħ fl­imħażen ta’ żewġha. Saħansitra kienet tqassam mill-istess ikel li kien ikollha hi.

Eliżabetta bniet sptar għal foqra ġewwa Wartburg u kienet iddur bil-morda, anke ma’ dawk fost l-għar każi ta’ mard. Qatt ma qatgħet qalba mill-kruha tal-mard jew mill-intiena li kienet toħroġ minn dawk l-imsejkna. Tant kienet qalba tajba u tħenn illi t-tfal il-foqra kienu jmorru jiġru lejha u jsejħula “Ma”.

RIFLESSJONI

Meta niltaqgħu ma’ min hu fqir, irridu naraw lil Kristu fih, speċjalment fit-tbatijiet tagħhom. Irridu nagħtuhom dik l-attenzjoni u l-imħabba personali bħalma kieku nagħtuha ’l Kristu, għax huma wkoll ħutu. Il-laqgħa tagħna mal-foqra u ma’ min qiegħed ibati irid ibiddilna wkoll, billi nitgħallmu nagħmlu sagrifiċċju għal ħaddieħor u ngħixu ħajja aktar sempliċi.

VANĠELU

“Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni. Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt. 25,35-36.40).

8. SANTA ELIŻABETTA BĦALA ARMLA

Ludoviku, ir-raġel ta’ Eliżabetta, kien ilu li ppjana biex imur għall-kruċjata ma’ l-imperatur Federiku II sabiex jeħilsu l-Art Imqaddsa minn idejn il­Musulmani. Għaldaqstant, f’Ġunju tal-1227 beda bil-vjaġġ tiegħu lejn l-Italja minn fejn kellu jaqbad xini li jieħdu fl-art qaddisa. Eliżabetta tant sabitha bi tqila li kellha tinfired minnhu, li marret miegħu sa tarf it-territorju tagħhom. F’dak iż-żmien kellha sitt xhur tqala bit-tielet tarbija.

Waqt li Ludoviku kien qiegħed Otranto, fl-Italja t’isfel, jistenna biex jimbarka xini li kellu jwasslu fl-Art Imqaddsa, faqqgħet epidemija serja fil-kamp tal­kruċjati u minħabba f’hekk huwa miet fil-11 ta’ Settembru 1227. L-aħbar tal-mewt tiegħu waslet għand Eliżabetta ftit wara li twieldet it-tarbija tagħha Gertrude. Hekk kif semgħet bil-mewt ta’ żewgħa hija qalet: “La huwa miet, id-dinja u dak kollu li hemm sabih fiha issa miet għalija!”

Ftit xhur wara wasal lura għandha l-katavru ta’ żewgħa u hi laqgħetu bħala sagrifiċċju għal Alla u talbet hekk: “Mulej, nirringrazzjak talli fil-ħniena kbira tiegħek għaraft tikkunslani b’dan il-ġisem mejjet ta’ żewġhi li jiena tant xtaqt li nerġa’ nara. Int taf kemm kienet kbira imħabbti lejh, u ma
jiddispjaċinix bis-sagrifiċċju li għamilna meta nfridna bl-iskop nobbli li tinħeles l-Art Imqaddsa. Kieku nista’, lesta li nagħti d-dinja kollha għalih u nmorru nittalbu jlimkien tul ħajjitna kollha. Għalhekk, nitolbok tkun xhud tiegħi x’ħin nistqarr li ma rridx nifdi ħajtu, anke jekk tiswa biss xahra waħda, jekk din tkun kontra l-volontà tiegħek. Issa mela, nirrakkomanda lili nnifsi u ’l ruħu fil-grazzja tiegħek. Tkun magħmula dejjem il-volontà tiegħek.”

Eliżabetta kienet temmen li s-sagrifiċċji tagħna lil Alla għandna nagħmluhom minn jeddna u b’qalbna kollha. Kienet tgħid hekk: “Agħtu lil Mulej dak li għandkhom b’qalbkom kollha” u kienet ittenni dak il-kliem ta’ Ġob 1,21 “Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli; ikun imbierek isem il-Mulej.”

VANĠELU

“Heniin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa” (Mt. 5,4).

9. ELIŻABETTA MKEĊĊIJA MILL-PALAZZ

Eliżabetta ma damitx wisq biex tgħaddi minn esperjenza kera ta’ bidla radikali fil-ħajja tagħha. Kif qalet sew Isetrude, li kienet xhud waqt il-proċess tal-kanonizzazzjoni: “Wara l-mewt ta’ żewġha, Eliżabetta sfat imkeċċija mill-kastell u ġiet imċaħħda minn kull ma kellha minn xi wħud mill-ħbieb ta’ żewġha”. Għalkemm ir-raġuni għal dan qatt ma saret magħrufa, wisq propabbli dik il-persekuzzjoni seħħet bħala tpattijja għal dak li Eliżabetta kienet għamlet meta qassmet ħafna mill-ikel li kien inġabar mill-uffiċjali ta’ żewġha mingħand il-bdiewa. B’dak l-għemil tagħha kienet qed takkużahom b’serq u korruzzjoni. Ta’ dan l-għaġir, in-nobbiltà kollha ta’ Thuringia kienet ikkritikatha hafna. F’dak il­kumplott, wisq propabbli kien involut ukoll ħu żewġha li ħa l-poter f’idejh wara li miet Ludoviku.

Ħafna mill-istoriċi ma qablux li Eliżabetta tkeċċiet b’mod fiżiku mill-kastell, xi whud minnhom interpretaw il-fatt li telqet għax ħassitha moralment obligata tagħmel hekk għax mingħajr dħul mir-renti li kellu r-raġel tagħha, kienet tkun imġielha tiekol minn dak l-ikel projbit u allura għażlet li tħalli l-kastell. Meta telqet, qattgħet l-ewwel lejl f’kamra fejn kienu jahżnu l-ikel tal-qżieqeż. Ħadd ma taha kenn għax beżgħu mill-uffiċjali li kellu żewġha. Fl-aħħar hija sabet dar fqira u kellha s-sofri l-privatezza, l-insulti, żuffjett u persekuzzjoni minn dawk ta’ l-istess klassi tagħha, iżda hi qatt ma waqgħet fi ħsibijiet ta’ tpattijja. Għalkemm kienet għaddejja minn perjodu ta’ inċertezza u biża’, hi dejjem afdat f’Alla.

Darba fost l-oħrajn, waħda mara li kienet għamlet karita’ magħha, waqqgħetha fit-tajn, però Eliżabetta qamet tidħaq u farfret ħwejjġitha. Kien f’dan iż-żmien meta kellha viżjoni ta’ Kristu li deher qiegħed jistedinha biex timxi warajH. Hi wieġbet: “Mela Mulej, int trid li tkun miegħi u jien irrid li nkun miegħek u ma rrid qatt li ninfired minnek.”

RIFLESSJONI SPIRITWALI

Eliżabetta mxiet fuq il-passi ta’ Ġesù billi raddet lura t-tajjeb għall-ħażin li rċeviet. “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-egħdewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom” (Luqa 6,27-28).

Kienet l-esperjenza tas-sofferenza li ressqet lil Eliżabetta lejn Kristu u biex qasmet it­tbatijiet tiegħu. L-esperjenza personali tal-faqar wasslitha biex tifhem aktar il-povertà bħala mezz li tkun tiddipendi minn Alla u mill-proxxmu.

VANĠELU

“Ħenjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s­Saltna tas-Smewwiet” (Mt. 5,10).

10. ĦAJJA TA’ PENITENZA U TALB

Sakemm kien għadu ħaj żewġha, Eliżabetta ħalfet li tippersevera f’dik l-għamla ta’ ħajja li kieku kellha tgħix aktar minnhu, iżda meta miet, hi rrinunzjat għal kollox. Nhar il-Ġimgħa l-Kbira tal-24 ta’ Marzu 1228, hi poġġiet idejha fuq l-altar tal-kappella tal-Franġiskani Minuri ġo Eisenach u rrinunzjat għar-rikkezzi tad-dinja, għar-rieda tagħha u għal dak kollu li l-Mulej Alla jridna nċedu fil-Vanġelu. Wara ftit xhur, hi libset libsa fqira u pprofessat bħala Penitenti f’Marburg u dan għamlitu fil-presenza tal-patrijiet Franġiskani. Id­damiġelli tagħha Guda u Isentrude, ipprofessaw magħha wkoll flimkien ma’ żewġ nisa’ fqar oħra. Huma l-ħamsa għexu ħajja ta’ penitenza flimkien.

Il-Papa Girgor IX li kkanonizza lil Eliżabetta, kiteb hekk: “Hi libset il-libsa reliġjuża li ma fallitx minnha sa l-aħħar ta’ ħajjitha, biex tiċċelebra fiha nnifisha l-misteru tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu”.

Eliżabetta kienet issa tista’ twettaq xewqitha li tgħix fil-faqar. Tant kienet tħobb il-faqar komplet li kienet stqarret mal-konfessur Franġiskan tagħha Fra. Gerard, li xtaqet tgħix ħajjitha bħall-lebrużi, tiddependi biss mill-karità.

Eliżabetta kienet devota għall-ħajja attiva ta’ karità u kompassjoni, iżda kienet ukoll devota għall-ħajja ta’ talb. Il-konfessur tagħha qal: “Minkejja dan ix-xogħol attiv kollu, nistqarr quddiem Alla, illi rari rajt mara kontemplattiva bħal din. Ġieli xi rġiel u nisa’ reliġjużi kienu spiss jarawha ġejja lura mit-talb sigriet tagħha b’wiċċha jixgħel, qisu minn għajnejha kienu ħerġin raġġi tax-xemx”.

RIFLESSJONI SPIRITWALI

Il-veru sens ta’ ħajja penitenzjali huwa li wieħed jirrikorri lejn Alla. B’hekk niċħdu l-ħajja ta’ qabel, dik ta’ egoiżmu u mmutu biex ngħixu ħajja ġdida m’Alla. Eliżabetta qabdet din il-ħajja ta’ penitenza b’mod serju u fittxet li tmut kompletament biex tgħix għal Alla. Dan għamlitu filwaqt li baqgħet tgħix fid-dinja u mhux maqfula f’xi monasteru. Għalhekk il­ħajja tad-dinja m’għandhiex toqtol il-ħajja ta’ talb. Fil-fatt, hu meħtieġ li nitolbu kontinwament biex inżommu r-relazzjoni tajba m’Alla u dan speċjalment meta nkunu ffaċċati b’distrazzjonijiet tad-dinja. Eliżabetta turina li t-talb u l-kontemplazzjoni huma verament possibbli filwaqt li aħna nkunu għaddejjin bil-ħajja attiva tagħna.

VANĠELU

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Luqa 9,23).

11. IL-KARITÀ TA’ ELIŻABETTA U L-ISPTAR TAGĦHA ĠEWWA MARBURG

Wara li Eliżabetta rċeviet kumpens mill-ġid li kellu żewġha, hi użat dan biex bniet sptar għall-foqra f’Marburg u li ddedikatu lil San Franġisk ta’ Assisi. Il-Papa Girgor IX bgħatilha relikwja tad-demm mill-istigmata ta’ sider San Franġisk biex titpoġġa fil­kappella ta’ l-isptar u fejn ingħatat ukoll indulġenza. Hekk kif tlesta l-isptar, hi sabet gurnata biex tqassam lill-foqra dak li kien baqalha u dan għamlitu fil-bitħa ta’ l-isptar stess. Kif qassmet kollox, qabbdet ħuġġieġa kbira u qassmet il-hobż lin-nies foqra u ħadet ħsieb ukoll li taħsel saqajhom u tidlikhom biż-żejt. In-nies il-foqra, hekk kif ħassewhom aħjar, kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment, bdew ikantaw. Eliżabetta qalet lill-ħbiebha: “Qed taraw, għidtilkom jien li hemm bżonn li nagħmlu n-nies kuntenti” u ferħet magħhom. Hi riedet tneħħi dawk il-barrieri soċjali li kienu jeżistu bejn is-sinjuri u l-foqra.

Min hemm il-quddiem ingħatat kollha kemm hi għas-servizz tal-fqar. Kienet taħsel il­morda u tpoġġihom fis-sodda, kienet timmedika l-feriti tagħhom u tlestilhom il-mediċini. Kienet tilgħab mat-tfal żgħar, inkluża waħda tifla żgħira li kienet lebbruża. Kienet ukoll tieħu ħsieb dawk in-nisa’ foqra tqal u t-tfal tagħhom. Kienet taqla’ xi ħaġa tal-flus għaliha u għal dawk li kienu jgħixu magħha billi kienet taħdem is-suf.

Kellha libsa fqira, kollha rqajja u miżjuda fit-tul b’lewn ieħor. Kienet tgħid lil seħbitha Irmingard: “ll-ħajja tas-sorijiet fid-dinja hi l-aktar waħda disprezzata u li kieku kien hemm ħajja għar minn hekk, kont nagħżel lilha”. Kienet taf li s-sinjuri saru jiddisprezzawha, iżda ħassitha ferħana għax kienet qed isservi lill- foqra.

VANĠELU

“Jekk trid tkun perfett, mur, biegħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis­sema; imbagħad ejja u imxi warajja” (Mt. 19,21)

12. IL-MARD U L-MEWT TA’ SANTA ELIŻABETTA

Matul l-aħħar tliet snin tal-ħajja tagħha, Eliżabetta kienet tkun marida spiss, però xorta waħda ma kienitx taqta’ qalbha u baqgħet għaddejja fis-servizz li kienet iddedikata fih. Anke meta kienet sfurzata biex tinxteħet fis-sodda, kienet tħejji s-suf għall-insiġ.

Meta mardet, Eliżabetta indunat li kienet qed toqrob lejn il-mewt, avolja kellha biss 24 sena, b’dana kollu hi aċċettat din is-sitwazzjoni bħala l-volontà t’Alla li kien ħejja għaliha. Dawk ix-xhieda li kienu preżenti matul l-aħħar marda tagħha, stqarrew li “Eliżabetta baqgħet ferħana u assorbita fil-qiegħ ta’ qalbha fit-talb.” Meta xi kultant kien jinżel xi għasfur u jpoġġi fuq ħoġor it­tieqa ta’ kamritha, hi kienet tibda tkanta għat-tisfir tiegħu.

Hekk kif indunat li kienet waslet biex tmut, hi qalet lill-konfessur tagħha Korradu li riedet timmedita t-tmiem ta’ ħajjitha u l-ħaqq sever wara mewtha mill-Imħallef Omnipotenti għax riedet tkun lesta biex tagħti kont ta’ ħajjitha kollha. Hi mietet fis-17 ta’ Novembru tal-1231.

RIFLESSJONI SPIRITWALI

Eliżabetta tgħallimna kif għandna nħejju ruħna għall-mewt u dan mhux b’niket, imma b’ferħ għax nafu li nkunu sa ningħaqdu m’Alla. Matul l-erba’ u għoxrin sena ta’ ħajjitha, Eliżabetta rnexxielha twettaq ħafna aktar minn dawk li jgħixu tmenin sena jew aktar! Meta aħna nimitawha, huwa mportanti li nkunu lesti biex nagħtu kont ta’ ħajjitna lil Alla għax ma nafux meta sa nidrhu quddiemu għall-ġudizzju u għaldaqstant għandna nkunu ppreparati biex isibna lesti.

VANĠELU

“Qallu s-sinjur, sewwa qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit u jien sa nafdak fuq ħafna; idħol fil-hena ta’ sidek.” (Mt. 25,21)