DIRETTIVI DWAR IL-FORMAZZJONI

ORDNI FRANĠISKAN SEKULAR

Dik il-persuna li tkun responsabbli mill-Formazzjoni tal-membri, kemm dawk professi, kif ukoll ta’ dawk il-kandidati prospettivi biex jgħixu l-ħajja tagħhom fi ħdan l-Ordni Franġiskan Sekular, għandha responsabbiltajiet kbar.

Il-Formatur irid ikun persuna matura, lest biex jiddjaloga mal-membri tal-Fraternità, jagħraf jiġġudika b’mod għaqli u jkun kapaċi jesprimi ruħu sew u japplika b’mod prattiku dak li jkun tgħallem.

L-Identità tal-Formatur nistgħu naqsmuha fi tliet kwalitijiet:
(a) l-ewwel u qabel kollox irid ikun bniedem uman;
(b) persuna ta’ ċerta spiritwalità;
(c) li jkun midħla tat-tagħlim u tal-kariżma Franġiskana.

(a) Bniedem Uman - li jkun kapaċi jittrasmetti dak li jkun tgħallem lil oħrajn, li jiddjaloga u jaqsam l-esperjenzi u ma jkunx qisu għalliem qed jgħati xi lezzjoni. Li jkun onest emozzjonalment u kapaċi jagħraf il-limitazzjonijiet ta’ l-oħrajn. Irid jieħu r-responsabbiltà ta’ dak li jkun qed jagħmel u jrid jaċċetta l-opinjoni ta’ ħutu li jkunu f’din il-mixja flimkien miegħu. Irid ikun lest biex jiskuża ruħu meta jiżbalja jew jonqos. Irid jisma’ lil ħaddieħor bla ma jinterrompi. Jifhem li l-persuna tkun kapaċi tikber spiritwalment, però ħadd ma jista’ jkun perfett, għax wieħed hu perfett, Alla l-Imbierek.

(b) Bniedem ta’ ċerta spiritwalità - li jkun nisrani “ta’ veru” - li tkun persuna ta’ talb ¬devot u jimmedita l-kelma t’Alla - irid ikun familjari mat-tagħlim tal-Knisja u li jimpenja ruħu fil-bini tal-Knisja billi juża sew it-“talenti” li tah Alla.

(c) Bniedem ta’ Kariżma Franġiskana - il-Formatur irid jifhem sew x’inhi l-kariżma ta’ San Franġisk, sabiex b’hekk ikun ta’ xhieda fl-O.F.S. billi jgħix il-Vanġelu fuq it-¬tagħlim ta’ San Franġisk, f’konverżjoni bil-kelma t’Alla fil-Fraternità, bħala membru tal-Knisja Kattolika, jgħix il-ħajja sekulari fl-istat tiegħu jew tagħha. Dan irid ikun familjari mar-Regola, Kostituzzjonijiet, Statuti, mar-Ritwal, kotba u tagħlim Franġiskan, kif ukoll fuq id-dokumenti uffiċjali tal-Knisja.

Ir- Rwol

L-għan tal-Formatur huwa li jgħin il-membri l-ġodda fil-konverżjoni tagħhom u jakkumpanjahom f’din il-mixja spiritwali. Irid jagħti attenzjoni ndividwali lil kull kandidat u jżomm quddiem għajnejh li kull individwu huwa differenti. Jifhem li dak li jkun qed jagħmel huwa għall-imħabba t’Alla. Huwa jrid jaqsam it-talenti tiegħu mal-kandidati, kif ukoll mal-Fraternità kollha u li ma jistenna xejn lura, irid juri sens kbir ta’ umiltà. Irid ikollu l-kuraġġ u ma jaqtax qalbu. Ikun lest li jfassal pjan ta’ direzzjoni adatta għal kull individwu u jara li dan ikun ħafif biex jiġi attwat.

Missjoni

Il-missjoni tal-Formatur hi waħda sempliċi: hi l-istess missjoni li kellhom l-Appostli, San Franġisk, kull min jevanġelizza, int u jien. Din il-missjoni hi: “Morru mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u tal-Ispirtu s-¬Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.” (Matt. 28, 19-20)

Passi għall-Formazzioni:

Artiklu 23 tar-Regola jgħid hekk: “Id-dħul u s-sħubija jseħħu billi jkun hemm żmien ta’ bidu,żmien ta’ Formazzjoni li jtul ta’ l-anqas sena, u l-Professjoni tar-Regola.” Artiklu 37 tal-Kostituzzjonijiet Ġenerali jgħid: “Id-dħul fl-Ordni jsir permezz ta’ żmien ta’ inizjazzjoni, żmien ta’ formazzjoni u l-Professjoni tar-Regola.” Però dawn huma l-minimu ta’ dak rikjest. Kull pajjiż għandu jgħaraf jadotta skond il-ħtiġijiet u l-użanzi tiegħu. Li hu żgur huwa, li dawn il-passi tal-bidu ma jistgħux jiġu eliminati, nistgħu ntawwluhom jew naqsmuhom f’żewġ partijiet u aktar, però mhux anqas. Huwa mportanti ħafna li din il-formazzjoni ssir fi ħdan il-Fraternità KOLLHA!! L-individwu jrid jikkopera mal-Grazzja t’Alla u jkollu l-volontà u r-rieda li jkabbar il-fidi tiegħu permezz tal-Ordni Franġiskan Sekular.

Perjodu Inizjali

L-għan prinċipali huwa, biex wieħed jiskopri l-vokazzjoni vera u biex jintroduċi ruħu għall-Ispiritwalità Franġiskana.

Kontenut waqt iż-żmien Inizjali

Għandu jiġi ntrodott u miftiehem il-proċess tad-djalogu u qsim ta’ opinjonijiet. Titneħħa l-¬idea li l-Formatur huwa xi forma ta’ għalliem u li l-kandidat huwa xi student. Wieħed irid ifiehem sew x’inhi l-vokazzjoni u kif wieħed jiddixxerni, jagħżel sew. Irridu nenfasizzaw mill-bidunett, li l-kandidat innifsu huwa responsabbli għall-aġenti l-oħra tal-formazzjoni. Infiehmu sew x’ikun qiegħed jiġri matul iż-żmien ta’ formazzjoni u xi jkun mistenni minnhu wara l-Professjoni. Huwa mportanti wkoll li nintroduċu lil San Franġisk u Santa Klara ma’ dawn l-aħwa l-ġodda.

Barra minhekk, irridu wkoll indaħħlu talb ieħor Franġiskan, nenfasizzaw l-importanza ta’ l-¬Iskrittura Mqaddsa fil-ħajja tal-Franġiskani Sekulari, speċjalment tal-Vanġeli. lkun hemm bżonn li nħejju l-individwu biex jikber fit-tagħlim tal-Knisja. Ninkoraġġixxu wkoll it-talb bil-“Liturġija tas-Siegħat”. Dawk l-aħwa li għad iridu jipprofessaw hemm bżonn li jkunu jafu aktar fuq ir-Regola, il-Kostituzzjonijiet, l-Istatuti, u informazzjoni ġenerali fuq l-istorja Franġiskana, u mhux anqas fuq l-istorja tal-Ordni Franġiskan Sekular.

Mela l-għan prinċipali ta’ dan iż-żmien inizjali huwa li ngħinu l-kandidat jikber b’mod spiritwali fil-ħajja Franġiskana, kif ukoll jagħraf aktar is-sinifikat ta’ din l-għażla u biex jipprepara ruħu sew għal dan l-impenn perpetwu bħala Franġiskan Sekular.

Għal dawk li jkunu għadhom kif ipprofessaw, jagħmlu sew jekk ikomplu jistudjaw, iħobbu u jgħixu r-Regola. Irridu nipprovdulhom eżempji mill-ħajja ta’ San Franġisk u ta’ qaddisin oħra Franġiskani, speċjalment waqt li nkunu qed niddiskutu flimkien. Jekk ikun possibbli, membri professi ġodda minn diversi Fraternitajiet jiltaqgħu flimkien aktar spiss sabiex, f’sens ta’ mħabba fraterna, jaqsmu bejniethom opinjonijiet u fehmiet differenti, u b’hekk ikunu jistgħu jitgħallmu minn xulxin.

Formazzjoni Kontinwa

L-għan principali tal-formazzjoni kontinwa huwa biex jissoda u jsaħħaħ dak l-impenn li sar fil-professjoni, li wieħed jgħix skond ir-Regola għal kumplament ta’ ħajtu. Għaldaqstant il-formazzjoni kontinwa trid tkun manifestata b’konverzjoni kontinwa. M’hemmx limitu għall-materjal matul il-formazzjoni kontinwa. Li wiehed jgħix il-Vangelu, mhux sempliċement tkun taf il-Vanġelu, iżda huwa mpenn fl-attitudni tagħna. Kull meta niltaqgħu fil-fraternitajiet tagħna, inkunu qed nikbru fil-formazzjoni. L-irtiri huma bżonnjużi ħafna, kif ukoll il-laqgħat ta’ talb li jiġu organizzati bejnietna. Hemm ukoll id¬-dokumenti tal-Knisja li l-Enċikliki. Kotba, tapes u videos fuq San Franġisk u fuq Spiritwalità Franġiskana nsibu kemm irridu. Mezz ieħor huwa li naqbdu r-Regola tagħna u nistgħu nużawha biex nimmeditaw fuqha.

M’hemmx żmien x’naħlu, qatt m’huwa tard. Jekk ma ħadnhiex interess qabel għax forsi ma konnhiex nafu kif għandha tkun il-Formazzjoni, issa m’hemmx skużi. Minnha biss jiddependi. Kuraġġ, u j’Alla almenu nippruvaw nimxu ftit fuq dawn il-passi, ħalli b’hekk inkunu aħwa kif jixraq fl-Ordni Franġiskan Sekular!

Godwin Vella Clark - April 2008

1 comment:

Jo said...

Prosit Mr Vella Clark. Keep it up. Josette.